Thursday, February 20, 2025

“Li tkun rikonoxxut wara 30 sena ta’ xogħol ifisser ħafna għalija” – Chef Victor Borg

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar sentejn permezz tat-televixin lokali, żgur li ħafna minna sirna familjari mal-Kok Malti Victor Borg, personalità b’passjoni kbira għall-ikel u l-kreattività permezz ta’ platti differenti, u li kien wieħed mill-ġurija fil-programm Masterchef.

Victor Borg ilu f’din il-karriera għal aktar minn 30 sena u serva f’bosta ristoranti bil-Michelin Star kemm f’Malta u kif ukoll f’ristoranti oħra barra minn xtutna. Snin ilu kien diġà rebaħ it-titlu tal-Kok Malti, meta kellu biss 24 sena, u li għalhekk għamlitu l-iżgħar kok Malti li qatt kien ingħata dan l-unur.

Issa din is-sena kompla jżid mal-unuri fejn tidħol il-karriera tiegħu u ġie wkoll onorat bil-premju tal-Lifetime Achievement Award waqt serata tal-għoti tal-premju tal-WRMC 2025. Xtaqna nkunu nafu ftit kif ħassu meta sar jaf li kien proprju hu li ħa dan it-titlu, u meta xtaqna l-kumment tiegħu wara dan il-premju hu qalilna li jinsab “sorpriż, qatt ma stenna dan il-premju li hu premju prestiġġjuż ħafna, u li tkun rikonoxxut wara 30 sena ta’ xogħol, ifisser ħafna għalija tant li ma kontx qed nistennieha, u ninsab vera kuntent.”

B’karriera f’dan il-qasam ta’ aktar minn 30 sena tistenna li tara xi tibdil fix-xena kulinarja f’pajjiżna u fil-fatt Victor qal li raha tinbidel ħafna f’dawn l-aħħar snin għax “rajtna li tjiebna immens,  kemm fil-prodotti u kemm fil-livell ta’ ristoranti, anke mindu ġiet il-Michelin dawn l-aħar snin inħoss li ħadna spinta oħra, u jiena dak huwa l-għan tiegħi, ovvjament, li dejjem nixtieq nara l-gastronomija Maltija tmur ’il quddiem, għax aħna m’għandna xejn inqas minn ħaddieħor, allura rrid nara li wkoll Malta tikber u tibqa’ miexja fuq l-istess livell ta’ pajjiżi Ewropej.” Huwa jkompli jispjega li dan iseħħ jekk lill-kokijiet iż-żgħar Maltin nibqgħu nagħtuhom l-opportunitajiet sabiex ikomplu jikbru u jkabbru l-esperjenzi tagħhom.

Iżda wieħed forsi jistaqsi x’jagħmel riċetta tajba, x’hemm bżonn eżatt u tqum il-mistoqsija, huma l-ingredjenti li hemm bżonn jew li jkollok kok tajjeb, jew it-tnejn li huma, u skont Victor din hija “kombinazzjoni tat-tnejn, l-ewwel tibda mill-ingredjent li hija l-ewwel triq u hija ħamsin fil-mija tar-riżultat, imbagħad irid ikollok il-kok li jrid jara x’jagħmel b’dawn l-ingredjenti li tkun il-ħamsin fil-mija l-oħra, imma l-ewwel trid tibda dejjem bl-ingredjent għax mingħajr l-ingredjent ma tista’ tagħmel l-ebda riċetta.”

Dan rajnieh ukoll fil-programm Masterchef fejn hu kien wieħed mill-ġurija li meta tlabnieh jiddeskrivi l-esperjenza tiegħu hu qal li peress li għandu ħafna esperjenza fil-kċina, u ħadem kemm f’Malta u anke barra minn Malta, u ħadem f’livelli oħrajn, ukoll ikkompeta f’diversi kompetizzjonijiet u rebaħ xi titli, u anke kien bħala membru tal-ġurija f’diversi kompetizzjonijiet kulinarji, iżda “Masterchef jibqa’ esperjenza mill-isbaħ għalija, qatt ma kont dhert fuq kamera qabel, u ovvjament tgħallimna ħafna minnha wkoll anke aħna, hija kompetizzjoni internazzjonali li tmur fi 68 pajjiż, u n-nies li jorgannizaw Masterchef u anke minn barra huma nies professjonali li tieħu gost taħdem magħhom, tgħallimt ħafna, u qed nieħu gost ħafna fiha, u diment li qed nieħu gost fiha u jibqgħu jgħiduli jibqa’ nagħmilha. Hija xi ħaġa serja, għalhekk forsi tarawni nkun dixxiplinat dwarha.”

Xtaqna li Victor iwassal messaġġ tal-aħħar lil dawk it-tfal u anke ż-żgħażagħ li jixtiequ jimxu fuq il-passi tiegħu u jidħlu fid-dinja Kulinarja u anke gastronomika, u qalilna li dan “hu wieħed mix-xogħlijiet li jagħtik ħafna sodisfazzjon, huwa xogħol kreattiv, li fih it-tajjeb u l-ħażin bħal ħafna. Mhuwiex xi xogħol faċli għax trid iżżomm ruħek aġġornat għax l-affarijiet dejjem qed jinbidlu, imma dak is-sabiħ tiegħu. Imbagħad għandek is-sigħat għax mhux sigħat normali, għandek il-weekends, il-festi, li naħdmu fihom, imma jien dejjem ngħid li l-importanti l-mindset, għax fil-ħajja m’hemmx għalfejn jasal is-Sibt biex tgawdi, tista’ tagħżel li toħroġ ġurnata oħra meta tkun off fost il-ġimgħa, imma trid taċċetta u bħal kollox jekk trid tilħaq l-ogħla livelli hemm l-element li trid tagħmel sagrifiċċju li jitfgħek fit-triq it-tajba. Jien għalija dan huwa ħajti, mhuwiex sempliċiment xogħol.”

Dan is-sagrifiċċju u l-passjoni li għandu Victor lejn dan ix-xogħol huma għalhekk l-elementi li lil Victor Borg wassluh għal dawn is-suċċessi u fosthom biex jikseb dan it-titlu tant prestiġjuż.
 
 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport