Tuesday, November 26, 2024

“Li toħorġu ma sħabkom mhuwiex ħin moħli” – L-Arċisqof

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Scicluna żar l-istudenti u t-tmexxija tal-MCAST f’Raħal Ġdid, il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru 2021. Huwa ntlaqa’ mill-Prof. Ian Refalo, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Prof Joachin James Calleja, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ, u mit-tim taċ-chaplaincy immexxi minn Fr Richard Ebejer SDB.

Waqt laqgħa mal-istudenti, l-Arċisqof qal li l-komunità tal-MCAST qiegħda dejjem tikber b’ħiliet li se jservu ta’ ġid għall-pajjiż. Huwa appella lill-istudenti sabiex ma jiqfux ikunu preżenza sabiħa fis-soċjetà billi jużaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom mal-persuni fil-bżonn u wkoll b’xogħol volontarju f’diversi NGOs. Mons. Arċisqof qal liż-żgħażagħ biex minkejja l-ħafna ħin li jqattgħu fuq il-media soċjali, isibu wkoll ħin biex joħorġu ma’ sħabhom. “Dak mhuwiex ħin moħli għaliex tkun qed titgħallem tisma’, tgħożż u tkun ta’ sapport għall-persuna.” Huwa qal li huwa rigal kbir fil-ħajja li tiltaqa’ ma’ xi ħadd li tista’ tafdah.

Matul iż-żjara fl-MCAST l-Arċisqof Scicluna ltaqa’ wkoll mal-membri tal-kunsill tal-istudenti tal-kulleġġ u żar l-youth hub fl-Istudent House.

Sport