Sunday, December 22, 2024

Liberat mill-akkużi li hedded lil ommu u s-sieħeb tagħha wara li ma xehdux kontrih

Aqra wkoll

Eman Cross, żagħżugħ ta’ 20 sena, ġie lliberat mill-akkużi li hedded lil ommu u lis-sieħeb tagħha. Dan minħabba nuqqas ta’ evidenza wara li l-allegati vittmi għażlu li ma jixhdux f’dawn il-proċeduri. 

Meta tressaq il-Qorti, Cross kien wieġeb ħati li kellu arma tan-nar mingħajr permess u li wettaq dawn ir-reati waqt li kien taħt ordni ta’ probation. Id-Difiża iżda kienet ikkontestat l-akkużi relatati mal-allegat theddid. 

L-Avukat Herman Mula, li deher parte civile, informa lill-Qorti li omm l-imputat ma xtaqitx tixhed. Huwa qal li l-kwistjoni oriġinali kienet mas-sieħeb tagħha. “L-omm m’għandha l-ebda problema miegħu,” qal Dr Mula. 

“Għaliex irrapportatu allura?” staqsiet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. L-Avukat Mula qal li kien instab munizzjon u li beżgħu li s-sitwazzjoni kienet se teskala jekk l-imputat ikollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar.

“Allura issa m’għadhomx jibżgħu?” reġgħet staqsiet il-Maġistrat. “Il-pulizija fittxew fl-appartament u ma sabu l-ebda armi tan-nar,” wieġeb l-Avukat Mula filwaqt li żied jgħid li s-sieħeb tal-omm kien lest li jixhed iżda għandu jingħata twissija minn qabel. 

Sadanittant, xehdet ukoll l-Ispettur Sherona Buhagiar, li mexxiet il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, li qalet kif nhar it-8 ta’ Awwissu, omm l-imputat kienet irrappurtat lil binha wara li kien qed jagħmel xi theddid lis-sieħeb tagħha. 

Il-mara kienet qalet ukoll lill-Pulizija li kellha argument mas-sieħeb tagħha fid-dar tagħha.  “Eman kien fis-sakra u pprova jintervjeni,” qalet l-Ispettur. L-omm irnexxielha tbiegħed lill-imputat minn miegħu u s-sieħeb tagħha telaq minn fuq il-post.

Il-Qorti wara li semgħet lill-allegati vittmi jiddikjaraw li xtaqu jirtiraw il-proċeduri u ma jixhdux kontra l-akkużat, iddikjarat li ma kienx hemm biżżejjed provi prima facie kontrih fir-rigward tal-ewwel tliet akkużi u għaldaqstant illiberatu.

Il-Maġistrat iżda fakkret li Cross kien ammetta għaż-żewġ akkużi l-oħra, bil-każ ġie differit għal Settembru fejn mistennija tixhed l-uffiċjal tal-probation li qiegħda ssegwi lill-imputat. 

L-Avukat Charles Mercieca deher għal Eman Cross.

Ekonomija

Sport