Sunday, September 7, 2025

Libjan arrestat b’rabta ma’ serq ta’ muturi 

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet u sorveljanza bla waqfien b’rabta’ ma’ ċirku kriminali li jinvolvi serq ta’ muturi minn diversi lokalitajiet, ħallew il-frott hekk kif il-pulizija arrestat suspettat ewlieni, Libjan ta’ 33 sena. 

Is-sorveljanza kienet ikkonċentrata f’diversi postijiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u waslet biex il-Ħamis waranofsinhar, il-pulizija osservat lill-allegat suspettat isuq mutur fl-akwati tax-Xemxija. 

Kien għalhekk li waqfitu u ġie arrestat. Irriżulta li r-raġel kien qiegħed isuq mutur misruq. Mill-investigazzjonijiet illi saru fl-aħħar sigħat irriżulta li l-arrestat, allegatament kien involut f’serq ta’ mill-inqas 6 muturi minn San Ġiljan, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. 

Huwa qiegħed ikun investigat ukoll b’rabta ma’ serqa minn vettura, serq ta’ apparat elettroniku minn uffiċju fin-Naxxar u anke ħsara fuq vettura tal-pulizija. Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta ta’ 12:00 p.m., quddiem il-Maġistrat Dr Astrid May Grima LL.D.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport