Raġel ta’ 36 sena mill-Libja qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara li kien involut f’argument f’San Pawl il-Baħar. Kienu għall-ħabta tat-3:00 p.m, x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza tagħha minħabba li seħħ argument fi Triq il-Kaħli, f’San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu l-vittma b’diversi ġrieħi, bl-aggressur kien laħaq ħarab. Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-vittma intervjena f’argument li qam bejn żewġ xufiera ta’ vetturi fl-imsemmija triq. Allegatament, il-vittma qala’ daqqa ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Il-pulizija bdiet bit-tfittxija għall-aggressur, u hekk kif kienu fl-akwati tal-Knsija tal-Mosta, ġie nnutat raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni li taw in-nies fuq il-post tal-inċident aktar qabel. Għaldaqstant, il-Pulizija arrestat ir-raġel, li aktar tard ġie identifikat li għandu 29 sena u huwa minn Niġerja. Huwa qiegħed jiġi mitkellem rigward dan l-inċident.
Aktar tard, il-Libjan ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Waqt li wieħed mix-xufiera qiegħed jinżamm mill-Pulizija, ix-xufier l-ieħor ma sofra l-ebda
ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.