Libjan ta’ 50 sena residenti Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat quddiem il-Qorti bi vjolenza domestika.
Hu wieġeb mhux ħati għal akkużi.
L-Ispettur Omar Zammit spjega fil-Qorti li fis-26 ta’ Diċembru li għadda, is-sieħba tal-Libjan kienet għamlet rapport fejn allegat li kien seħħ argument bejnha u bejn l-imputat u dan ma kienx l-ewwel każ.
Fir-rapport l-allegat vittma qalet li t-tnejn li huma għandhom problema tad-droga. Allegat li jumejn qabel heddidha li ħa jħanxarha u jiskarnaha, u wara jiskarna lilu nnifsu. Skont il-vittma kien hawn li l-imputat ħareġ mus żgħir u beda jheddidha bih.
Il-Qorti nnutat li diġà hemm ordni ta’ protezzjoni favur il-mara u l-imputat mhux suppost resaq lejha. Id-difiża qalet li f’dan l-istadju ta’ proċeduri ma kientx se titlob għall-ħelsien mill-arrest.


