Khalleefah Aljamie, Libjan iżda jgħix Ħal Tarxien, ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq li nhar il-Ġimgħa li għaddiet seraq mobile minn fuq salesgirl fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fil-Qorti ntqal li hu ta l-impressjoni li kien qed jara x’kien se jixtri mill-ħanut u hekk kif ra lill-impjegata aljenata serqilha l-mobile li jiswa €659.
Minnu fih, it-tfajla marret tagħmel rapport lill-Pulizija li min-naħa tagħhom mill-ewwel bdew l-investigazzjonijiet. Mill-kameras tas-sigurtà ġie Aljamie deher iwettaq din is-serqa.
Waqt li kien qiegħed jitkellem fil-Qorti, il-LIbjan qal li ma jaħdimx, iżda jgħix biss minn fuq il-benefiċċji soċjali. Sostna wkoll li għalkemm jiftakar sew li seraq il-mobile, hu wettaq dan ir-reat għax ibati bid-dipressjoni. Qal li dakinhar hu kien ħallat il-mediċina max-xorb u għalhekk ma kienx jaf eżatt x’inhu jagħmel.
Iżda l-Maġistrata qalet li din mhux l-ewwel darba li Aljamie xellef difru mal-liġi u wettaq atti kriminali.
Kien għalhekk li l-Qorti kkundannatu għal sena ħabs, kif ukoll ordnatlu li jieħu trattament ta’ tliet snin. Hu ma jistax jersaq lejn il-vittma filwaqt li ġie ordnat biex fi żmien sena iħallas lura l-flus tal-mobile li seraq.