Ali S. Ali Saad, Libjan ta’ 44 sena li jgħix f’Malta ma nstabx ħati li stupra mara b’ċittadinanza Taljana f’Baħar iċ-Ċagħaq. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li kienet qiegħda tilliberah minn kull akkuża hekk kif ma emmnitx il-verżjoni li tat it-Taljana.
Il-Libjan kien mixli li stupra lill-mara f’xi jum bejn Diċembru tal-20027 u Jannar tal-2018. Kien mixli wkoll li offenda l-morali b’għemil fil-pubbliku kif ukoll li fit-12 ta’ Mejju 2018 ħebb għall-istess mara u weġġagħha ħafif kif ukoll beżżagħha.
Minn dak li ġie ppreżentat fil-Qorti rriżulta li l-imputat u l-allegat vittma kienu għamlu xi żmien f’relazzjoni u din ir-relazzjoni bdiet meta t-tnejn li huma kienu miżżewġin.
Il-Libjan kien ġie arrestat quddiem stabbiliment tal-ikel f’Paceville fejn il-mara daħlet fih għax qalet li kien qed jipprova jistupraha.
Meta l-Pulizija kienu qegħdin jitkellmu mal-mara qaltilhom li l-Libjan kien stupraha f’Baħar iċ-Ċagħaq madankollu r-raġel ċaħad dan u qal li r-relazzjoni intima li kellhom fil-karozza kienet bil-kunsens tagħha. Il-mara allegat ukoll li kien aggrediha f’darha madankollu anke hawn ir-raġel ċaħad li ħebb għalih.
Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha qalet li l-verżjoni tax-xhieda tal-mara dwar kif l-imputat allegatament aggrediha kienet kontradetta mhux biss mill-akkużat imma anke minn ħabib tagħha li kien fuq il-post.
Il-Qorti nnutat li ma jagħmilx sens li l-mara ħarġet mid-dar fejn keinet ma’ ħabib tagħha biex tkellem lill-imputat barra waħedha u l-istess ħabib tagħha baqa’ qatt ma ċempel lill-Pulizija.
Żiedet ukoll li l-prosekuzzjoni naqset li titlob għal espert mediku biex jeżamina lill-mara u semmiet kif ħadd mill-pulizija li mar fuq il-post meta seħħ l-inċident f’San Ġiljan ma qal li ralha ġrieħi.
Rigward l-allegat stupru, il-QOrti qalet li meta l-vittma marret biex tagħmel rapport dwar l-inċident f’San Ġiljan ma semmiet xejn lill-Pulizija dwar dak li kien seħħ bejnithom u kien biss meta l-Ispettur kien qiegħed ikellimha li qaltlu li ġiet stuprata.
Il-Qorti staqsiet ukoll għaliex jekk, kif qalet, hi kienet fuq is-seat ta’ quddiem u huwa fis-seat ta’ wara, ma ppruvatx taħrab u rreferiet għaċ-chats li saru bejn l-akkużat u l-allegat vittma fejn qalet li minnhom jidher li kienet għaddejja relazzjoni bejniethom u ma kien hemm xejn x’juri li kienet imbeżża’.
Il-Maġistrat innotat ukoll li kien hemm diversi inkonsistenzi fil-verżjonijiet tal-mara u kien hawn li l-Maġistrat qalet li għandha dubji serji ħafna dwar kemm l-imputat verament stuprha.
Iddikjarat li tinsab moralment konvinta li l-atti sesswal li seħħet bejn l-akkużat u l-mara saru b’kunsens tagħha u għalhekk ma sabitx lir-raġel ħati tal-istupru.
Irrimarkat ukoll li r-raġel kien akkużat ukoll li kkommetta offiża kontra l-moralità pubblika u sostniet li għalkemm mix-xhieda ħareġ li dak il-ħin f’Baħar iċ-Ċagħaq kien hemm żewġ karozzi oħra b’żewġ koppji fihom, l-allegat vittma ma ftakritx id-data meta ġara dak li ġara. Għalhekk l-istess maġistrat illiberat lir-raġel minn din l-akkuża.