Raġel li kien jinsab fuq bail talli allegatament kien kompliċi f’omiċidju, inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li hedded lit-tfajla tiegħu u li għamel ħsara lill-proprjetà tagħha lbieraħ.
Ahmed Rasem Franko, Libjan ta’ 35 sena, qed jistenna li jgħaddi ġuri flimkien ma’ Libjan ieħor wara li allegatament qatel lil raġel kolombjan f’Paceville f’Mejju tas-sena li għaddiet.
Carlos Augusto, ta’ 37 sena, li kien jinsab f’Malta biex jistudja l-Ingliż, miet wara li qala’ daqqiet f’rasu fi ġlieda li żvolġiet barra bar f’Paceville. Qed ikun allegat li huwa kien attakkat meta intervjena biex jiddefendi lil mara li ż-żewġ irġiel allegatament kienu qed jagħtu fastidju.
Iż-żewġ Libjani kienu ġew arrestati wara li nstabu mistoħbijin fi gwardarobba f’San Lawrenz, Għawdex.
Intant illum Franko ċaħad l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu li kkawżala biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha, li kkawża b’mod volontarja ħsara fil-proprjetà tagħha, ksur ta’ paċi pubblika, u kif ukoll li kiser il-kundizzjoni imposti fuqu ta’ bail.
Huwa kien akkużat ukoll li kien spiċċa reċidiv.
Franko fl-2017 kien ingħata wkoll sentenza ta’ erba’ snin ħabs dwar l-attentat stupru ta’ mara Żvediża fil-Bajja San Ġorġ, Paceville, liema reat kien seħħ sentejn qabel. Huwa kien qal li t-tnejn li huma kienu involuti f’atti sesswali fil-Bajja San Ġorġ meta l-mara biddlet fehemtha. Il-każ jinsab fl-istadju ta’ appell.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Trevor Micallef qal lill-Qorti li għalkemm l-akkużat kien iddikjara li kien residenti l-Gżira, huwa kien qed jgħix mat-tfajla tiegħu f’Marsaxlokk.
Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debomo u Marion Camilleri li ma talbux il-ħelsien tiegħu mill-arrest.
Il-Maġistrat Donatella Frendo żammet lill-akkużat taħt arrest preventiv.