Sunday, July 6, 2025

Liċenzja obbligatorja għall-kuntratturi:  Riforma oħra lejn standards ogħla fis-settur tal-Kostruzzjoni

Aqra wkoll

L-introduzzjoni tal-liċenzja obbligatorja għall-kuntratturi mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) hija bidla sinifikanti fil-mod kif jitħaddem is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-BCA se jkun qiegħed ikollha rendikont tal-operaturi involuti fil-proċess tal-kostruzzjoni li se jkunu taħt sorveljanza regolatorja b’mod aktar responsabbilizzat. Dan bil-għan li nkomplu ngħollu l-istandards u nnaqqsu ir-riskji fl-interess ta’ kulħadd.

Il-liċenzjar tal-kuntratturi fit-twaqqigħ, skavar u bini se tgħin biex dawk kollha fis-settur jaġġornaw rwieħhom, anke permezz ta’ laqgħat informattivi mill-istess awtorità għal aktar serħan il-moħħ, b’mod speċjali terzi li joqogħdu biswit dawn is-siti ta’ kostruzzjoni li fihom ikun se jibda jew inbeda żvilupp. 

Fl-aħħar xhur il-Kumitat Indipendenti tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi approva 2265 applikazzjoni għal-liċenzja tal-Kuntratturi.

Il-kumitat approva 832 liċenzji ta’ twaqqigħ, 509 liċenzji ta’ skavar u 924 liċenzji tal-Bini.

Din il-miżura se tgħin ukoll biex titjieb ir-reputazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni, li għal 40 sena sħaħ kien nieqes minn kwalunkwe tip ta’ regolarizzazzjoni. 

Ir-regolarizzazzjoni ġġib magħha ċertu responsabbiltà u għalhekk l-Awtorità ma setgħetx tibqa’ waħda passiva quddiem il-ħtieġa dejjem tikber ta’ riżorsa umana quddiem settur li kulma jmur qiegħed jiżviluppa. Proprju għal dan il-għan, fl-aħħar xhur hija kabbret l-ispettorat, fejn irduppjat l-ispettur biex issaħħaħ l-infurzar u hemm ħames spetturi li għaddejjin fi proċess ta’ ingaġġ. Il-mira hi li żżid dawn l-ispetturi fix-xhur li ġejjin.

Il-BCA qed tieħu dan il-pass bħala parti minn viżjoni usa’ li tinkludi r-riforma tal-industrija kollha, sabiex il-kostruzzjoni f’Malta ssir b’mod aktar sostenibbli, sigur u professjonali. Għall-ewwel darba, Malta għandha reġistru trasparenti ta’ kuntratturi li jista’ jintuża kemm mill-pubbliku kif ukoll minn awtoritajiet oħra u proprju dan se jinkludi aktar serħan il-moħħ illi l-persuna jew entità ngaġġata hija waħda professjonali.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-liċenzja hija riflessjoni ta’ impenn lejn kwalità aħjar fil-bini u lejn il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport