Mil-lum, it-Tlieta 1 ta’ Lulju, daħlet fis-seħħ il-liġi li tirregola l-kuntratturi fis-settur tal-kostruzzjoni. Dawk il-kuntratturi li jaħdmu fis-setturi tat-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini, mil-lum huma obbligati li jkollhom liċenzja sabiex joperaw. Dawk li se jkunu qed joperaw bla liċenzja se jkunu qed jitwaqqfu b’mod immedjat mix-xogħol u l-proġetti kollha li jkunu qed jagħmlu.
Fl-aħħar xhur il-Kumitat Indipendenti tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi approva 2265 applikazzjoni għal-liċenzja tal-Kuntratturi.
Il-kumitat approva 832 liċenzji ta’ twaqqigħ, 509 liċenzji ta’ skavar u 924 liċenzji tal-Bini.
Permezz ta’ din ir-riforma l-awtorità mhux biss se jkollha viżibbilità sħiħa tal-operaturi fis-settur, iżda wkoll l-ispeċjalizzazzjoni tal-liċenzjar se twassal biex jogħlew aktar l-istandards.
Il-proċess tal-liċenzjar kien wieħed rigoruż fejn apparti l-evalwazzjoni mill-kumitat, fl-aħħar xhur il-BCA organizzat numru ta’ laqgħat informattivif’Malta u kif ukoll f’Għawdex. Barra minn hekk hija kienet qiegħda toffri kull sostenn lil dawk li kkuntattjawha inkluż permezz tal-helpline 138.
Ħolqa oħra importanti f’dawn in-numru ta’ riformi li tibni mal-liċenzjar kienet l-investiment fir-riżorsa umana bit-tisħiħ fl-ispettorat. Dan hekk kif in-numru spetturu ġie rduppjat u hemm ħames spetturi li għaddejjin fi proċess ta’ ingaġġ.
L-awtorità flimkien mal-istakeholders qed twettaq xogħol fuq il-Kodiċi tal-Bini u l-Kostruzzjoni li se jibdew jiddaħħlu b’mod gradwali u li se jkomplu jibnu fuq is-sensiela ta’ riformi li qed ikomplu jirresponsabilizzaw is-settur.
Il-Liċenzjar tal-Kuntratturi jmur pari passu mal-Liċenzjar tal-Bennejja, fejn l-aktar partijiet importanti f’dan is-settur qed jiġu regolati b’ligi b’sahhitha. Wara dan il-pass, l-Awtorità issa se tkun qed timxi lejn tisħiħ u importanza tal-iSkill Card obbligatorja għal dawk kollha li jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni.
F’dan l-istadju l-awtorità tfakkar li minkejja li l-liċenzjar tal-Kuntratturi se jkompli fix-xhur li ġejjin għaliex kulma jmur aktar operaturi qed japplikaw għal din il-liċenzja, il-maġġoranza tal-operaturi issa huma liċenzjati, liema liċenzja tiġġedded kull sentejn.
Sabiex liċenzja tkun valida din trid tkun imħallsa, u għalhekk dawk kollha li rċevew li l-liċenzja tagħhom ġiet approvata u baqgħu ma ħallsux il-liċenzja, dawn ma jistgħux joperaw.
L-Awtorità tfakkar li bħalma ilha tagħmel, dawk kollha li għandhom xi mistoqsijiet jistgħu jfittxu kull għajnuna b’kuntatt mal-istess awtorità anke permezz tal-helpline 138, biex jirregolarizzaw l-operat tagħhom