Sunday, December 22, 2024

Liċenzjati l-ewwel 34 temping agencies – riforma storika fis-settur tax-xogħol f’pajjiżna

Aqra wkoll

Ġew illiċenzjati l-ewwel 34 aġenzija tax-xogħol, magħrufa aħjar bħala temping agencies, sabiex b’hekk ikunu regolarizzati u konformi mal-liġijiet il-ġodda li daħlu fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena u li se jibdew jiġu infurzati mill-1 ta’ Ġunju li ġej.

Dawn il-liċenzji ngħataw waqt ċerimonja li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. F’diskors li għamel f’din iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari sostna li dan hu mument storiku għas-settur tax-xogħol f’pajjiżna u qed tiġi implimentata wkoll miżura elettorali oħra.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li dawn l-aġenziji tax-xogħol jaħdmu f’setturi diversi fost oħrajn bħala uffiċjali ta’ sigurtà, fil-qasam tas-saħħa, f’xogħol amministrattiv, f’xogħol ta’ tindif, f’oqsma speċjalizzati fil-qasam tal-ospitalità, f’servizzi tekniċi ta’ sapport u anki dawk ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema professjonisti f’oqsma differenti. Spjega wkoll li l-operaturi liċenzjati ssodisfaw numru ta’ kriterji u allura għandhom ċertu standards professjonali li jridu jżommu magħhom.

Dr Ellul saħaq li b’din ir-riforma u bil-liċenzjar ta’ dawn l-aġenziji, l-awtoritajiet se jkollhom għall-ewwel darba viżibilità u monitoraġġ ta’ min huma l-operaturi kollha fis-settur, b’mod partikolari l-ħaddiema barranin li huma rreġistrati magħhom. Sostna kif b’dawn il-liġijiet se jiġu lejn pajjiżna biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa, waqt li jkun evitat l-abbuż tal-istess ħaddiema.

“Dan kollu se jgħin biex nattiraw biss dawk il-ħiliet li huma ta’ bżonn għall-ekonomija tagħna u b’hekk irridu niffukaw fuq il-kwalità u mhux il-kwantità, fejn se jkun hemm pagi u kundizzjonijiet aħjar għal ħaddiema wkoll,” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Huwa semma l-proċess rigoruż biex illum qed jingħataw dawn il-liċenzji. Dan wara taħditiet mal-partijiet kollha, fosthom dawn l-istess aġenziji tax-xogħol u l-imsieħba soċjali. Intqal kif kien hemm appoġġ kbir f’dawk involuti fis-settur tax-xogħol. Dan bil-għan biex ikomplu jsaħħu dan is-settur tant kruċjali f’pajjiżna, biex kulħadd ikompli jgawdi mill-ġid ekonomikament.

“Ħloqna pakkett ta’ regolamenti li mhux biss se jgħin biex nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema b’mod iktar tanġibbli, iżda wkoll se jgħin lill-aġenziji tax-xogħol, fl-operat tagħhom b’qafas regolatorju iktar b’saħħtu u robust,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

F’dan l-avveniment tkellmu wkoll is-Segretarju Permanenti Jonathan Vassallo u ċ-Chairperson tal-Working Committee Stephen McCarthy.

Ekonomija

Sport