Monday, December 9, 2024

LIDL: Uħud mill-impjegati fi kwarantina; oħrajn isirilhom swab test

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Wara li nstab li impjegat tal-LIDL f’Ħal Safi kien pożittiv għall-Coronavirus, l-Awtoritajiet tas-Saħħa talbu lil Lidl Malta biex tgħaddilhom lista sħiħa tal-ħaddiema li ħadmu mal-impjegat u li kellhom kuntatt miegħu bejn il-25 u t-30 ta’ Marzu. Dawn l-impjegati ġew ikkuntattjati mill-awtoritajiet tas-saħħa direttament, fejn uħud ġew mitluba biex joqogħdu fi kwarantina, oħrajn ġew informati li ma kellhomx għalxiex u ftit oħra sarilhom swab test.

Sostniet dan il-kumpanija Lidl Malta meta mistoqsija minn inewsmalta dwar jekk il-ħaddiema l-oħra li kienu f’kuntatt mal-persuna infettata tpoġġewx fi kwarantina jew inkella ntbagħtux jaħdmu f’xi fergħa oħra f’pajjiżna.

Mistoqsija dwar il-prekawzjonijiet li qed jittieħdu kontra l-virus, Lidl qalet li l-ħaddiema kollha għandhom sanitizers, ingwanti u maskri protettivi. Barra hekk, spjegawlna li ġie installat ilqugħ tal-plexiglass fejn il-klijenti jħallsu. Il-kumpanija qiegħda wkoll tillimita n-numru ta’ klijenti li jidħlu fil-ħanut fl-istess ħin.

Il-kelliema ta’ Lidl qalet li dejjem kienet prijorità għall-kumpanija li tipproteġi s-saħħa tal-klijenti tagħha. Għalhekk qalet li skont ir-regoli preżenti, qed jitolbu lill-klijenti biex iżommu id-distanza minima bejn xulxin u jilbsu ingwanti li jintremew meta jagħżlu l-affarijiet tal-forn, il-frott u l-ħaxix.

Lidl Malta ntalbu biex jgħaddu lista sħiħa tal-ħaddiema li ħadmu mal-impjegat infettat bil-coronavirus u li kellhom kuntatt miegħu bejn il-25 u t-30 ta’ Marzu

Bħala miżura oħra, il-Lidl poġġa f’kull entratura u fil-ħruġ avviżi li jfakkru l-miżuri ta’ saħħa u sigurtà li nħarġu mid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard. Dawn jinkludu fost l-oħrajn li ma jkunx hemm ma’ nies li huma morda, li tgħatti mnieħrek u ħalqek b’tissue jew inkella b’ġewwa tal-minkeb, li tarmi tissues użati minnufih, li tevita li tmiss l-għajnejn, l-imieħer u l-ħalq, li b’mod regolari tnaddaf u tiddiżinfetta affarijiet li jintmessu spiss, li toqgħod id-dar meta tkun ma tiflaħx u li taħsel idejk bis-sapun u l-ilma għal mill-inqas 20 sekonda jew inkella b’alkoħol għall-idejn.

Lidl spjegaw ukoll li f’kull ħanut twaħħlu strippi ta’ tape mal-art b’distanza bejniethom ta’ metru ħalli kulħadd iżomm id-distanza li suppost. Dawn il-miżuri ġew ukoll imħabbra lill-klijenti fuq il-midja soċjali tal-kumpanija.

Intant, meta staqsejna dwar kif bi ħsiebha tkompli bl-operat tagħha, Lidl Malta qalet li tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet kompetenti u qiegħda ssegwi b’mod skrupluż l-istruzzjonijiet li jingħataw biex tiggarantixxi l-aqwa sigurtà għas-saħħa tal-impjegati u tal-klijenti.

Ekonomija

Sport