Hekk kif ilbieraħ id-Deputat Prim Ministru u ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li n-nies se jkunu qed jintalbu biex jilbsu maskra qabel jidħlu fi ħwienet, ċentri tas-saħħa, fuq il-vapur ta’ Għawdex, u fl-isptar, il-mistoqsija li bosta qed jistaqsu hija liema huma dawk il-maskri adattati biex jintlibsu?
F’informazzjoni ppubblikata fuq il-midja soċjali s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci informat li l-pubbliku għandu jagħmel użu minn maskri tat-tip ‘non medical masks’ jew visors.
Intant il-maskri kollha disponibbli huma tat-tip:
- ‘Non-medical masks’ – Dawn il-maskri tal-komunità jinkludu diversi forom ta’ maskri kummerċjali jew ippreparati min-nies stess bl-użu ta’ drapp jew materjal ieħor.
- Surgical masks – Dawn il-maskri huma intiżi għal ħaddiema mediċi u jnaqqsu t-trasmissjoni ta’ batterji bejn il-ħaddiema nfushom u l-pazjenti billi jgħattu l-ħalq, l-imnieħer u l-geddum.
- Visors – Dawn ikunu lqugħ għall-wiċċ u jintużaw kemm minn ħaddiema fil-qasam tal-saħħa u anke dawk fis-settur pubbliku. Dawn il-maskri jgħattu l-għajnejn, l-imnieħer, u l-ħalq u għandhom iwasslu sa taħt il-geddum.
- Respirator masks – Dawn il-maskri għandhom jintużaw esklussivament minn ħaddiema fis-settur tas-saħħa biex jipproteġu lilhom infushom minn espożizzjoni għal kontaminanti bħall-virus tal-Covid-19.