Li tidħak sar obbligu b’liġi f’reġjun fil-Ġappun u dan bit-tama li l-ħajja tan-nies tmur għall-aħjar. Nhar il-Ġimgħa li għaddiet liġi ġdida li għaddiet fil-Provinċja ta’ Yamagata tordna liċ-ċittadini li mill-inqas iridu jidħku darba kuljum anke jekk ikollok ġurnata ħażin.
Din il-liġi ġie ispirata minn studju li sar minn Università lokali fejn sar magħruf li jekk in-nies jidħku b’mod regolari allura jkollhom riskju inqas ta’ problemi fil-qalb u anke jgħixu ħajja itwal.
Aktar minn hekk din il-liġi tobbliga lill-postijiet tax-xogħol biex joħolqu ambjent fejn il-ħaddiema jkollhom ċans jitbissmu u anke jidħku flimkien.
Il-liġi saret fuq proposta u anke vvotaw favuriha l-membri tal-Partit Liberali Demokratiku Ġappuniż. Min-naħa tagħha l-Oppożizzjoni qalet li din il-liġi qiegħda tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem minħabba li l-ebda Gvern u l-ebda partit ma jista’ jindaħal x’jagħmlu n-nies.
Riċerkaturi fl-Università ta’ Yamagata sabu li dawk li jidħku mill-inqas darba fil-ġimgħa u aħjar jekk kuljum hemm benefiċċji kbar għas-saħħa. Is-saħħa mentali tmur ħafna ‘l quddiem meta bniedem jidħak.
Toru Seki, membru tal-Partit Konservattiv Ġappuniż qal li din il-liġi hija ksur sfaċċat tad-drittijiet tal-bniedem. “Li tidħak jew ma tidħak hija deċiżjoni tal-individwu u mhux tal-istat. Għalkemm fil-verità hemm il-benefiċċji meta wieħed jidħak xorta waħda ma tistax tisforza lil xi ħadd biex jagħmel dan,” qal Seki f’kummenti lill-midja wara li għaddiet il-liġi.
Kien hemm oħrajn li qalu li din hija liġi diskriminatorja minħabba li hemm persuni b’diżabbilità li ma jistgħux jidħku u għalhekk se jkunu qegħdin jiksru l-liġi.