Friday, October 17, 2025

Liġi ġdida fil-Greċja tippermetti ġurnata xogħol ta’ 13-il siegħa

Aqra wkoll

Il-Parlament Grieg approva liġi kontroversjali fejn issa min jimpjega għandu dritt li jħaddem l-impjegati tiegħu għal 13-il siegħa kuljum. Din il-liġi ġiet approvata minkejja l-oppożizzjoni kbira u anke protesti u strajks li saru mill-unjins fil-pajjiż.

Il-Gvern Grieg qal li b’dan il-mod qiegħed jimmodernizza l-liġi tax-xogħol.

Taħt din il-liġi, 40 siegħa fil-ġimgħa xogħol xorta se tibqa’ fis-seħħ, kif ukoll ħadd ma jista’ jagħmel overtime ta’ aktar minn 150 siegħa fis-sena. 

Il-Gvern qal li hija għażla ta’ min iħaddem u l-impjegat jekk iridux iżidu s-sigħat tax-xogħol u din il-liġi se tkun affetwata għas-settur privat biss. Jekk min iħaddem u l-impjegat jaqblu li l-ġranet tax-xogħol minflok 8 sigħat isiru 13, xorta waħda ma jista’ ikun hemm aktar minn 37 ġurnata li fiha ħaddiema jaħdem 13-il siegħa f’ġurnata.

Il-unjins fil-Ġreċja għamlu żewġ strajks ġenerali kontra din il-liġi u anke niżlu lin-nies fit-toroq. Minkejja dan xorta waħda l-liġi ġiet approvata.

Il-Ministru tax-Xogħlijiet Grieg Niki Kerameus iddefenda din il-liġi u qal li issa l-liġi tax-xogħol hija waħda moderna filwaqt li akkużat lill-Oppożizzjoni li mhux qiegħda tgħid il-verità lill-pubbliku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport