Monday, March 2, 2026

Liġi ġdida ser tagħti drittijiet ġodda dwar il-kura medika

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għal-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret li wara konsultazzjoni estensiva li involviet l-istakeholders fil-qasam tas-saħħa, ser tressaq abbozz ta’ liġi ġdid li jistabbilixxi r-regoli dwar kif jistgħu jsiru Direttivi Mediċi Avvanzati.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li d-Direttivi Mediċini Avvanzati magħrufa wkoll bħala “Living Will” jinsabu f’bosta pajjiżi avvanzati.

Qalet li b’dawn id-direttivi persuna tista’ tirreġistra fir-rekords mediċi tagħha x’kura u trattament straordinarji li ma tkunx trid meta dawn it-trattamenti jistgħu biss itawlu l-ħajja mingħajr ma jwasslu biex il-persuna tirkupra minn xi kundizzjoni ta’ saħħa serja.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li dawn id-direttivi jidħlu fis-seħħ biss jekk il-persuna ma tkunx għadha fi stat li tiddeċiedi fuq il-kura ta’ saħħitha.

Hija qalet li dan l-abbozz qiegħed jirrikonoxxi d-dritt tal-awtonomija tal-pazjent u jagħti s-serħan il-moħħ lill-professjonisti mediċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli meta ma jistax ikollhom il-kunsens tal-pazjent fil-mument li jkollhom jieħdu deċiżjonijiet dwar kura u trattamenti.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat li persuna ser tkun tista’ tagħmel Direttivi Mediċi Avvanzati wara li tikseb l-informazzjoni relevanti mit-tabib tal-fiduċja tagħha u tkun tirreġistra dawn id-direttivi għand nutar qabel ma dawn id-direttivi jiġu inklużi fir-rekords mediċi tagħha.

“Filwaqt li mhu ser nobbligaw lil ħadd biex ikollu l-Living Will, b’din il-liġi ser nagħtu dritt ieħor lill-pubbliku, għaliex dan huwa Gvern li jemmen bis-sħiħ u jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet ta’ kull individwu,” qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

Hija kompliet tispjega li d-Direttivi Mediċi Avvanzati ma jistgħux jinkludu talbiet li jmorru kontra l-liġijiet tal-pajjiż. Żiedet tgħid li l-liġi fost oħrajn ser tkun qiegħda tirrikonoxxi l-kura paljattiva bħala Standard Medical Care li ma tistax tkun rifjutata fil-Living Will.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg irringrazzjat lil kull min ta sehmu fit-tfassil ta’ dan l-abbozz inkluż l-uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa, lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-konsulenti legali li ħadmu fuq dan l-abbozz.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport