Qabel aġġorna għall-btajjel tal-Għid, il-Parlament approva b’mod unanimu t-Tielet Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li kien tressaq mill-Gvern sabiex il-Konvenzjoni Nru. 190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, tiġi rikonoxxuta wkoll fil-liġi Maltija.
Permezz ta’ dan l-abbozz, kull ħaddiem ser ikollu d-dritt li jaħdem f’ambjent ta’ xogħol ħieles mill-vjolenza u l-fastidju, inkluż vjolenza u fastidju bbażata fuq il-ġeneru tal-persuna.
Din hi miżura oħra tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ mwiegħda mill-Partit Laburista li saret parti mill-programm tal-Gvern (Proposta nru.194), bil-għan li jkomplu jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li jkun assigurat li l-ambjent tax-xogħol ikun sigur għal kull ħaddiem, billi ma jiġi permess l-ebda forma ta’ vjolenza u fastidju fl-ambjent tax-xogħol fuq il-ħaddiem (l-impjegat).
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul innota b’sodisfazzjon li din il-liġi issa għaddiet minn kull stadju parlamentari, li permezz tagħha qed ikomplu jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
“Tajna definizzjoni ta’ xi tfisser post tax-xogħol fejn wessajnieha biex tinkludi anke meta tkun barra mill-pajjiż fost oħrajn,” qal Dr Ellul. “Tajna wkoll definizzjoni ta’ xi tfisser ‘ħaddiem’ u nkludejna anke dawk li jkunu għadhom qed jagħmlu interview biex isibu impjieg.”
Is-Segretarju Parlamentari Ellul kompla jgħid li din il-protezzjoni kontra l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol se tkompli tagħti aktar serħan il-moħħ lill-ħaddiema filwaqt li tkompli żżid mal-kullana ta’ drittijiet li diġà ddaħħlu minn dan il-Gvern u li se jkomplu jiżdiedu fiż-żmien li ġej.
FIEX JIKKONSISTU ‘VJOLENZA U FASTIDJU’?
Kwalunkwe imġiba, prattiċi u ommissjonijiet inaċċettabbli jew theddid li jimmirraw jew jirriżultaw fi ħsara jew tbatija fiżika, psikoloġika, sesswali jew ekonomika.
Dawn l-atti jinkludu wkoll jekk il-vjolenza u/jew il-fastidju jkunu abbażi tal-ġeneru, jiġifieri l-fastidju jew vjolenza fuq il-persuna jkunu minħabba s-sess jew il-ġeneru tagħha.
L-ebda prinċipal jew impjegat ma jista’ jwettaq dawn l-azzjonijiet ma’ kwalunkwe impjegat ieħor jew prinċipal, fl-ebda forma, inkluż imma mhux limitat għal: talbiet, kondotta, imġiba, interazzjoni – kemm jekk fiżiċi, remote, online, verbalment, bil-miktub, bi stampi jew kwalunkwe mod ieħor.
Dawn l-azzjonijiet ser ikunu pprojbiti kemm jekk iseħħu darba jew repetutament.
PIENI U RIMEDJI
Il-pieni għal min jinstab ħati li kiser din il-liġi tax-xogħol, ser ikunu skont kif ġej:
- piena ta’ priġunerija bejn 6 xhur u sentejn; jew
- multa bejn €5,000 u €10,000; jew
- multa u priġunerija flimkien.
Il-każ ta’ vjolenza u fastidju fl-ambjent ta’ xogħol jista’ jitressaq ukoll quddiem it-Tribunal Industrijali, fejn jista’ jiġi ordnat il-kanċellament tal-kuntratt ta’ servizz u jiġi ordnat jitħallas kumpens għat-telf u d-danni soferti mill-vittma.

