Thursday, April 25, 2024

Liġi tal-Edukazzjoni li tpoġġi lill-istudent u l-edukatur bħala prijorità

Aqra wkoll

L-Att tal-2019 dwar l-Edukazzjoni li kien diskuss u għadda mill-Parlament wara konsultazzjoni wiesgħa, se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru li ġej. Ir-riforma li saret f’din il-liġi taħseb għal titjib fuq il-liġi preċedenti u wkoll iddaħħal kunċetti ġodda li kollha għandhom għan aħħari – it-tisħiħ tal-edukazzjoni li tingħata lil uliedna.

“Din hija liġi importanti ħafna li permezz tagħha qed ngħaddu messaġġ b’saħħtu. Edukazzjoni ta’ kwalità, standards għoljin, ekwità, u drittijiet fejn l-aħjar interess tal-istudent għandu jirbaħ fuq kollox u fuq kull konsiderazzjoni. Fuq kollox, qed nintroduċu kunċetti ġodda fejn qed naraw li l-professjoni tal-edukaturi qed tiġi rispettata aktar, qed nintroduċu wkoll mekkaniżmi kif il-ġenituri jkunu aktar involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni ta’ uliedhom, u wkoll irridu nassiguraw li jkollna edukazzjoni għal kulħadd u skont il-kurrikulu li jkun jgħodd għal kull tifel u kull tifla, għax aħna rridu li kull tifel u tifla f’pajjiżna mhux biss ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, imma jirnexxu fis-settur edukattiv,” qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Din il-liġi tibni fuq dik preċedenti u ddaħħal ukoll kunċetti ġodda, fosthom dik tal-edukazzjoni fid-dar (homeschooling). Din hija definita bħala l-edukazzjoni progressiva ta’ minuri provduta jew organizzata mill-ġenitur tiegħu li biha edukatur id-dar jipprovdi tagħlim lill-minuri, minflok edukazzjoni statali jew mhux tal-istat. Edukatur id-dar għandu jkollu warrant ta’ għalliem u għandu jingħata liċenzja biex ikun jista’ jagħmel dan.

Il-liġi tenfasizza wkoll l-ekwità fl-edukazzjoni u għalhekk il-liġi tgħid b’mod ċar li l-istat għandu l-obbligu li mhux jagħti edukazzjoni ugwali lil kulħadd, imma ekwa. Dan ifisser li f’ċertu każijiet il-Ministru għall-Edukazzjoni jista’ joħloq policies u programmi li jkunu jilħqu l-ħtieġa ta’ ċerti studenti u li forsi jkun hemm bżonn ukoll jkunu differenti mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, bl-għan li jkollna edukazzjoni li tilħaq lil kulħadd.

Il-liġi tiddefinixxi wkoll b’mod aktar ċar l-aċċess għall-edukazzjoni li twessgħa biex filwaqt li l-liġi sal-lum titlob li jkun hemm aċċess għal dawk li huma ċittadini Maltin, din twessgħet għal kull min ikun qed jirrisjedi hawn Malta. Taħseb ukoll għal edukazzjoni qabel dik obbligatorja. Għalkemm l-età tal-edukazzjoni obbligatorja ma nbidlitx, din il-liġi taħseb biex ikun hawn edukazzjoni mgħotija qabel (childcare u kinder) u tkun regolata wkoll.

Il-liġi tħares ukoll mhux biss lejn id-dmirijiet imma wkoll lejn l-obbligi tal-ġenituri. Fost oħrajn, żdied id-dmir li l-ġenituri jaderixxu mal-policies tad-Diviżjoni u tal-iskejjel.

Żdiedu wkoll l-ammonti tal-multi ta’ reati u pieni fejn jidħlu impjieg ta’ minuri, assenteiżmu, skola mingħajr liċenzja u/jew mhux konformi mal-kundizzjonijiet minimi nazzjonali u kull kundizzjoni imposta mid-Diviżjoni u edukazzjoni d-dar mingħajr liċenzja.

Il-punti prinċipali tat-tibdil li sar mill-liġi preċedenti, li ngħataw waqt il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Avukat Dennis Zammit, Head Legal tal-Malta Further and Higher Authority, huma annessi.

Aċċess għall-edukazzjoni iżjed miftuħ

Filwaqt li l-liġi sal-lum titlob li jkun hemm aċċess għal dawk li huma ċittadini Maltin, din twessgħet għal kull min ikun qed jirrisjedi hawn Malta.

Edukazzjoni qabel dik obbligatorja

Għalkemm l-età tal-edukazzjoni obbligatorja ma nbidlitx, din il-liġi taħseb biex ikun hawn edukazzjoni mogħtija qabel (childcare u kinder) u tkun regolata wkoll.

Awtonomija tal-iskejjel mhux tal-istat

L-istat jirrikonoxxi li skejjel tal-knisja u indipendenti għandhom id-dritt li jkollhom il-karattru, l-ethos u li jkunu awtonomi fit-tmexxija tagħhom.

Dmirijiet tal-ġenituri

Apparti d-dmirijiet eżistenti fil-liġi preżenti, żdied id-dmir li l-ġenituri jaderixxu mal-policies tad-Diviżjoni u tal-iskejjel. 

L-aqwa interessi edukattivi tal-minuri

Artikolu 7 u 8 tal-Kap 605 tal-Liġijiet ta’ Malta qed jintroduċu l-kunċett li kull deċiżjoni li tirrigwardja materji li jolqtu l-edukazzjoni ta’ minuri għandha tiġi msejsa primarjament fuq l-aqwa interessi edukattivi tal-minuri. Dan għandu jsir b’rispett xieraq lejn l-interessi ta’ studenti oħrajn li jattendu l-istess skola u l-ħidma effettiva u effiċjenti kontinwa tal-iskola. Marbut ma’ dan, ġie emendat l-artiklu dwar id-drittijiet tal-ġenituri. Preżentament, l-att dwar l-edukazzjoni jagħti d-dritt lill-ġenituri li jiddeċiedu dwar kull materja li tikkonċerna l-edukazzjoni tal-minuri, u issa qed jiġi introdott proviso li għalkemm il-ġenituri xorta għandhom dritt jiddeċiedu dwar kull materja li tikkonċerna l-edukazzjoni tal-minuri, tali deċiżjoni għandha tkun fl-aħjar interessi tal-minuri.

L-artikolu 8 jkompli jgħid li meta kap ta’ skola statali, permezz tal-kap tan-network tal-kulleġġi (Prinċipal) li fiha jkun reġistrat il-minuri jemmen li d-deċiżjoni tal-ġenitur ma tkunx taqbel mal-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu u ċioé li deċiżjoni għandha tkun fl-aħjar interessi tal-minuri b’rispett xieraq lejn l-interessi ta’ studenti oħrajn li jattendu l-istess skola u l-ħidma effettiva u effiċjenti kontinwa tal-iskola, dan għandu jwassal dan għall-attenzjoni tad-Diviżjoni. Fejn ikunu ġew ikkunsidrati u ppruvati l-addattamenti u s-soluzzjonijiet raġonevoli kollha, id-Diviżjoni tista’ tagħmel applikazzjoni lill-Bord tal-Affarijiet Edukattivi sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-materja. Il-Bord, wara li jagħti lid-diviżjoni u lill-ġenituri l-opportunità li jgħaddu s-sottomissjonijiet tagħhom, u wara li jisma’ l-partijiet, jekk iqis li huwa xieraq, jagħti deċiżjoni fuq il-materja.

Ġenitur ukoll jista’ jagħmel applikazzjoni quddiem dan il-Bord f’każ meta ma jkunx possibbli li jinkiseb il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor tal-minuri jew fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri fuq kull materja li tikkonċerna l-edukazzjoni tal-minuri. (Każijiet dejjem jiżdiedu fejn anke fuq l-iktar affarijiet bażiċi ma jaqblux u jitlef l-istudent).

Edukazzjoni ekwa

L-istat għandu l-obbligu li mhux jagħti edukazzjoni ugwali lil kulħadd, imma ekwa. Dan ifisser li f’ċertu każijiet il-Ministru jista’ joħloq policies u programmi li jkunu jilħqu l-ħtieġa ta’ ċerti studenti u li forsi jkun hemm bżonn ukoll jiddipartixxu mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.

Edukazzjoni d-dar

Se tiġi introdotta l-edukazzjoni d-dar li hija definita bħala l-edukazzjoni progressiva ta’ minuri provduta jew organizzata mill-ġenitur tiegħu, li biha edukatur id-dar jipprovdi tagħlim lill-minuri, minflok edukazzjoni statali jew mhux tal-istat. Edukatur id-dar għandu jkollu warrant ta’ għalliem u għandu jingħata liċenzja sabiex ikun jista’ jagħmel dan.

Applikazzjoni biex tiġi pprovduta edukazzjoni fid-dar lil minuri ma tistax issir fuq bażi razzista jew raġuni simili, jew għal raġunijiet li d-Diviżjoni ma tqisx li huma xierqa meta tqis ċ-ċirkostanzi kollha; u f’kull każ imsemmi hawn qabel, edukazzjoni fid-dar  titqies  li  tkun  fl-aħjar interess  tal-minuri  meta  jitqiesu  ċ-ċirkostanzi u sitwazzjoni tal-minuri u l-familja.

Ġew introdotti miżuri sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi tal-minuri. Fil-fatt, il-liġi tistipula li fejn  id-Diviżjoni   tkun   tal-opinjoni   li   l-kundizzjonijiet  meħtieġa  għall-għoti  ta’  edukazzjoni  fid-dar  għall-minuri ġew sodisfatti hija għandha tawtorizza l-ġenitur tal-minuri li jipprovdi edukazzjoni fid-dar lill-minuri bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)         il-minuri għandu jkollu esperjenza soċjali ekwivalenti għal dik mogħtija fi skejjel;

2)         il-minuri jingħata l-istess esperjenza u faċilitajiet bħal dawk li hemm fi skejjel;

3)         il-minuri għandu jsegwi programm akkreditat kif approvat mid-Diviżjoni u dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Diviżjoni kif jista’ jidhrilha xieraq fl-aħjar interess tal-minuri.

Reati u pieni – impjieg ta’ minuri, assenteiżmu, skola mingħajr liċenzja u/jew mhux konformi mal-kundizzjonijiet minimi nazzjonali u kull kundizzjoni imposta mid-Diviżjoni, edukazzjoni d-dar mingħajr liċenzja

L-ammonti tal-multi ta’ dawn ir-reati kollha żdiedu. Fil-każ ta’ assenteiżmu, il-piena żdiedet l-aktar minħabba li f’każ li persuna li wara li titħarrek sabiex tidher quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja tonqos, mingħajr ġustifikazzjoni, milli tidher quddiemu jew tonqos milli tosserva ordni maħruġa lilha mill-Kummissarju tal-Ġustizzja, tista’ titressaq il-Qorti u jekk tinstab ħatja, teħel multa ta’ bejn €100 u €500 jew priġunerija għal perjodu ta’ tliet xhur jew multa u priġunerija flimkien.

Kompożizzjoni tal-Bord tal-Affarijiet Edukattivi

Il-bord ikun magħmul minn ħames membri kompost minn chairperson li jkollu għarfien xieraq dwar materji relatati mal-edukazzjoni tat-tfal u li jkun eliġibbli biex ikun appuntat maġistrat. Wieħed mill-membri għandu jkun edukatur, ieħor professjonist fil-qasam psikosoċjali, rappreżentant tal-ġenituri u espert fil-qasam tal-edukazzjoni inklussiva. Il-membri jkunu maħtura mill-Ministru wara qbil mal-Kummissjoni Persuni b’Diżabbiltà.

Il-Bord jista’ wkoll jaħtar esperti biex jgħinuh skont kif iħoss il-ħtieġa. Kull deċiżjoni tista’ tiġi appellata fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u d-deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ sakemm toħroġ id-deċiżjoni tat-Tribunal. 

Min jonqos li josserva deċiżjonijiet tal-Bord jista’ jeħel pieni stabbiliti għal kontrovenzjonijiet u multa ta’ mhux aktar minn €100 għal kull ġurnata li r-reat jibqa’ jseħħ. 

Abbużi fuq edukaturi u persuni fl-iskejjel

Kull  min jhedded  jew  jagħmel  offiża  fuq  il-persuna  ta’ edukatur, uffiċjal, impjegat  ta’  skola  jew  fuq  xi persuna  oħra  involuta  fl-organizzazzjoni  ta’  attività edukattiva, kulturali, soċjali jew sportiva għal minuri fil-bini ta’ skola,  jew waqt tali attività, jew kull meta tali edukatur, uffiċjal jew impjegat ikun fuq xogħol barra mill-bini tal-iskola, jew fil-parametru ta’ kilometru mill-bini tal-iskola, tista’ teħel, meta  tinstab  ħatja,  il-piena  stabbilita  għat-theddid jew għal offiża fuq il-persuna, meta dawn isiru mingħajr iċ-ċirkostanzi msemmijin fl-artikolu 95 tal-Kodiċi Kriminali miżjuda b’żewġ gradi, u multa ta’ mhux inqas minn tmien mitt ewro (€800) u mhux iżjed minn ħamest elef ewro (€5,000).

L-iskop ta’ dan huwa li l-liġi qed tikkundanna b’iżjed qawwa mhux l-att vjolenti biss, iżda anke l-eżempju li jkun qed jingħata lill-minuri. Għalhekk, dan l-artiklu speċifikament ma jipproteġix biss lill-edukaturi (kuntrarju ta’ kif kien sa issa jkopri anke edukaturi u ħaddiema mhux fl-iskejjel statali) iżda lil kull min jaħdem fi skola jew lil min qed jagħti sehemu fl-edukazzjoni tal-minuri.

Sport