Abbozzi ta’ żewġ ligijiet ġodda favur persuni b’diżabilità li tnedew għall-konsultazzjoni pubblika fil-jiem li għaddew intlaqgħu tajjeb kemm lokalment kif ukoll mill-Moviment Ewropew dwar id-Diżabilità, il-European Disability Movement. Iż-żewġ liġijiet għandhom l-għan li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna b’diżabilità f’pajjiżna u jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Malta, flimkien mal-Irlanda, Spanja u l-Awstrija, se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
L-ewwel Abbozz huwa tal-Att dwar l-Awtonomija Personali u se jiggarantixxi li kull persuna jkollha d-dritt li tiddeċiedi dwar ħajjitha ta’ kuljum. Iddaħħlet sistema ġdida ta’ teħid appoġġat ta’ deċiżjonijiet (supported decision-making), li tirrispetta d-dinjità tal-persuna b’diżabilità u tnaqqas is-sitwazzjonijiet fejn oħrajn jiddeċiedu f’isimha, ħlief f’każijiet verament estremi.
It-tieni abbozz huwa tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabilità (PASVA). Liġi li se toħloq qafas legali sabiex jipproteġi lil dawn l-individwi minn abbuż, ħsara jew negliġenza. Ser idaħħal ukoll sistema ta’ vetting għal ħaddiema u voluntiera f’dal-qasam, u reġistru ta’ blacklisting għal min jinsab ħati ta’ reat kontra adult f’sitwazzjoni ta’ vulnerabilità.
Alejandro Moledo, Deputat Direttur u Kap tal-Politika tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, l-organizzazzjoni li tgħaqqad il-Moviment Ewropew dwar id-Diżabilità, qal li l-Forum innota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni ta’ Malta dwar dawn il-liġijiet u jittama li l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni jkompli b’koperazzjoni mill-qrib u b’involviment sinifikanti ta’ persuni b’diżabilità u l-għaqdiet tagħhom. Żied jgħid li huma jħarsu ’l quddiem għall-adozzjoni tal-liġi imma wkoll għall-implimentazzjoni li tħalli impatt, biex b’hekk il-liġijiet iġibu bidla fil-ħajja ta’ kuljum ta’ persuni b’diżabilità.
Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (MFOPD), Marthese Mugliette, qalet li, “Is-soċjetà inġenerali tkun verament sħiħa u titjieb aktar kemm-il darba kull individwu fi ħdan is-soċjetà, jiġifieri anke l-persuni b’diżabilità jkollhom l-aċċess għall-awtonomija u din il-liġi tal-Awtonomija tgħin biex dan iseħħ. Il-fatt li dawn iż-żewġ liġijiet inħadmu b’konsultazzjoni sħiħa mal-persuni b’diżabilità u mal-NGOs tagħhom juri kemm verament nemmnu fil-persuni b’diżabilità infushom.”
Karen Buttigieg, il-President tan-National Parents’ Society Persons with Disability (NPSPD) qalet li, “Bħala ġenituri ta’ persuni b’diżabilità ma nemmnux li għandu jkun hemm kontroll fuq il-persuna b’diżabilità. Anzi nixtiequ li t-tfal tagħna meta jikbru, meta jsiru adulti fis-soċjetà, huma wkoll ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar liberu.”
Il-Professur Anne-Marie Callus, mid-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, iddeskriviet il-liġi dwar l-awtonomija bħala, “Importanti għax tissalvagwarda d-drittijiet fundamentali tal-persuni b’diżabilità u tara li dawk li għandhom bżonn l-għajnuna biex jieħdu deċiżjonijet, minflok ma jkun hemm xi ħadd li jieħu deċiżjonijet għalihom, ikollhom is-sapport meħtieġ.”
Dr Christian Camilleri, avukat u attivist dwar id-diżabilità, sostna li, “Dawn il-liġijiet huma pass importanti sabiex nibnu fuq il-kisbiet tas-snin li għaddew. Filwaqt li l-liġi tal-awtonomija tnaqqas il-bżonn li persuni b’diżabilità jibqgħu dipendenti fuq ħaddieħor, il-liġi dwar il-vulnerabilità ser toffri tarka għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn persuna jkollha tiddependi fuq ħaddieħor. Il-perċezzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà għandha titjieb, wara li dawn jeżerċitaw l-awtonomija li kisbu.”
Fl-okkażjoni tat-tnedija għall-konsultazzjoni pubblika ta’ dawn iż-żewġ abbozzi ta’ liġi, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, iddeskriviet dan il-pass bħala wieħed storiku, “Lejn Malta aktar ġusta, aktar umana, tassew inklużiva. Liġijiet li mhumiex biss riformi fuq il-karta. Huma affermazzjoni ċara tal-valuri tagħna bħala soċjetà li temmen fid-dinjità, fl-awtonomija u fid-drittijiet ta’ kull persuna, irrispettivament mid-diżabilità, l-età jew is-saħħa tagħha. Qegħdin nibdlu minn sistema li tagħżel min għandu dritt jiddeċiedi għalih innifsu, għal waħda li tagħti s-setgħa lill-individwu stess, bl-appoġġ li jkun jeħtieġ.”
Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika huwa aċċessibbli fuq http://publicconsultation.gov.mt/ fejn se jintlaqgħu s-suġġerimenti u l-kummenti sa nhar it-8 ta’ Awwissu 2025. Tista’ tintbagħat ukoll email fuq [email protected] jew inkella korrispondenza bil-posta fuq l-indirizz Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità, Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Triq in-Negozju, Birkirkara CBD 3000.