Ftit tal-jiem ilu, iċċelebrajna Jum l-Innu Malti. Deċiżjoni li ssegwi emenda Kostituzzjonali li saret mill-Parlament fejn il-kliem tal-Innu Malti issa huwa parti mill-ogħla liġi tal-pajjiż. Iżda, lil hinn mill-jum li ġie ddedikat għall-Innu Malti naħseb li huwa aktar meħtieġ Ii niddiskutu x’jirrapreżenta dan l-Innu li jgħaqqadna bħala poplu.
L-Innu Malti m’għandux jinqara bħala poeżija miktuba fi żminijiet meta l-Malti kien għadu lanqas kien meqjus bħala lingwa uffiċjali. Meta l-Maltin kienu għadhom lura milli jiksbu il-Ħelsien mill-ħakma tal-barrani. L-għażla ta’ ċerta kliem fl-Innu Malti jirrifletti ir-realtà storika ta’ dakinhar, iżda lil hinn minn hekk, l-Innu Malti jesprimi ħsibijiet li jmorru lil hinn minn epoka jew żmien.
L-Innu Malti, miktub mill-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila, fil-bidu tiegħu jitkellem dwar din l-art ħelwa, l-Omm tatna isimha. B’dan il-kliem, Malta qed titqies bħala l-omm tal-Maltin. L-Inġliżi jużaw it-terminu motherland. L-art li minnha jitnissel il-ġens li jissejjaħ il-ġens Malti. Tista’ tgħid li “l-omm li tagħtna isimha” huwa dikjarazzjoni ta’ Nazzjon Malti. Nazzjon distint minn kull nazzjon ieħor minkejja li pajjiżna għandu storja ta’ ħakma barranija wara oħra.
Illum pajjiżna huwa pajjiż sovran, indipendenti u ħieles. L-għarfien ta’ pajjiż nazzjon li jagħmel l-Innu Malti mħux biss hija stqarrija ta’ rieda kif sar fiż-żmien meta nkiteb iżda huwa fatt li ngħożżu ta’ kuljum.
L-Innu huwa talba għall-ħarsien t’ Alla. Espressjoni li tati forma ta’ talba kif dejjem esprimew il-Maltin sa mill-bidu tal-ġens Malti. Il-ġens tagħna dejjem kien wieħed reliġjuż. Dejjem radd ħajr u emmen li għandu jkollu l-imqades. Ma kienetx il-wasla tar-reliġjon nisranija li daħlet element ta’ reliġjożita’ f’pajjiżna. It-tempji meġalitiċi jixhdu dan.
Tista’ tgħid li l-Innu Malti fit-tieni strofa tiegħu jirrikonoxxi l-importanza tad-dehen ta’ min ikun qed imexxi. Jitkellem dwar ix-xogħol billi jsemmi lil min iħaddem u l-ħaddiem. Fuq kollox jitkellem dwar l-għaqda u s-sliem.
Hemm min jargumenta li l-Innu Malti huwa anakroniżmu meta jsemmi l-kliem “min jaħkimha”. Ma ninsewx l-epoka storika meta nkiteb l-Innu Malti iżda huwa aktar importanti fil-fehma tiegħi li l-Innu Malti jinsisti li min ikollu r-responsabiltà tat-tmexxija irid juri dehen fil-mod kif imexxi. Id-dehen jirreferi għar-responsabiltà u l-għaqal fil-mod kif wieħed għandu jmexxi.
Ix-xogħol jieħu post ewlieni bil-kliem “ħniena lis-sid” u “s-saħħa lill-ħaddiem.” Dan il-kliem huwa imnebbaħ mir-realtà ta’ kif kienet imfassla id-dinja tax-xogħol fejn il-kundizzjonijiet tal-ħaddiem kienu jiddependu mill-ħniena tas-sid fin-nuqqas tal-leġiżlazzjoni li għandna llum li tagħti d-drittijiet lill-ħaddiem u li jirregolaw l-oqsma tax-xogħol. Mill-banda l-oħra, is-saħħa lill-ħaddiem kienet meħtieġa għax ħafna mix-xogħol kien tal-id u l-ħaddiem li ma kellux saħħa ma kellux post fid-dinja tax-xogħol.
Illum “is-saħħa lill-ħaddiem” għandna nitkellmu dwarha kif inkomplu intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’dinja li qed tinbidel u toffri forom ta’ xogħol dejjem jinbidlu. Ta’ min isemmi li pajjiżna, fil-kisba tar-Repubblika, ix-xogħol poġġih bħala wieħed mis-sisien li fuqhom inbniet ir-Repubblika. Mill-kliem tal-Innu Malti għad-dikjarazzjoni ta’ Malta Repubblika, ix-xogħol jieħu post ewlieni.
L-għaqda fost il-Maltin dejjem inħasset meħtieġa. Il-Maltin tul is-snin dejjem spiċċaw fi skjeramenti differenti. L-avvanż tal-Maltin dejjem seħħ meta minkejja d-differenzi tagħna, il-poplu Malti fittex dak li jgħaqdu. Poplu li kiseb aktar meta sab il-punti ta’ konverġenza u mhux meta spiċċa skjav tal-kunċett imperjali “divide et impera” – ifred u saltan. Dan huwa kliem li għadu jgħodd sal-lum u li jmur lil hinn minn xi realtà ta’ xi żmien partikolari.
Il-konklużjoni hija marbuta mal-kelma “sliem”. It-tifttxija tagħna għas-sliem hija waħda li ma taqta’ xejn u dejjem meħtieġa. Pajjiżna, li storikament kellu l-għajxien tiegħu ibbażat mill-attività militari ta’ ħaddieħor, minn dejjem fehem li jista’ jimraħ l-aktar jekk jgħix fis-sliem. Illum, id-dinja reġgħet tinsab fi żmien ta’ taqlib u l-kunflitti militari ressqu lejn il-reġjun Ewropew. Malta tibqa’ pajjiż favur is-sliem, pajjiż li jippromwovi l-paċi.
Il-kliem tal-Innu Malti aktar minn stqarrija li tirrakonta passat, huwa stqarrija ħajja ta’ viżjoni ta’ pajjiż li tibqa’ friska u sservi għal kull żmien.
L-appell tiegħi huwa biex bħala pajjiż għandna nagħmlu minn kollox biex inkattru l-imħabba tal-Maltin u l-Għawdxin lejn dan l-Innu li jgħaqqadna.
Li l-Innu Malti sab postu fil-Kostituzzjoni ta’ Malta huwa pass ċkejken ‘il quddiem. Bħala pajjiż għandna nagħmlu minn kollox biex inkattru l-imħabba tal-Maltin u l-Għawdxin lejn dan l-Innu li jgħaqqadna. Irridu nrawmu fost it-tfal tagħna minn ċkunithom l-imħabba lejn dan l-Innu, ngħallmuh fl-iskejjel tagħna sa mill-ewwel snin tal-kors edukattiv, u nżidu l-okkażjonijiet fejn jindaqq u jitkanta.



