Saturday, November 9, 2024

“Lil hinn mil-lingwa n-nies iridu jisimgħu ritmu fil-mużika partikolari”

Aqra wkoll

Aidan Cassar huwa kantant ta’ 23 sena li f’dawn l-aħħar snin kiseb ħafna popolarità. Bla dubju li d-diski tiegħu Ritmu u Naħseb Fik huma fuq fomm kulħadd filwaqt li huma ferm popolari mas-semmiegħa Maltin, Għawdxin u saħansitra barranin. 

Aidan beda jikkompeti f’festivals nazzjonali fis-sena 2018 meta ħa sehem fil-Malta Eurovision Song Contest bid-diska Dai Laga.

Fl-2019, Aidan irrappreżenta lil Malta fl-OGAE Song Contest bid-diska The Feeling. Sentejn wara, Aidan beda jikteb lirika u kanzunetti bil-Malti tant li fil-kuntest Mużika Mużika kellu d-diska Naħseb Fik. Għalkemm ma rebaħx dan il-festival, is-suċċess li beda jikseb kien enormi. 

Aktar kmieni din is-sena, il-kanzunetta Ritmu spiċċat fit-tieni post. Din l-istess diska baqgħet sejra sew mhux biss f’Malta iżda wkoll f’diversi pajjiżi fosthom Spanja u l-Ingilterra.

Waqt l-Eurovision Song Contest 2022, hu qara’ l-votazzjoni tal-ġurija Maltija.

Talk.mt tkellem ma’ Aidan Cassar li deher ferm ħerqan li jtina r-risposti li saqsejnih.

Kif beda l-imħabba tiegħu lejn il-mużika?

“Minn dejjem niftakarni bil-mużika sa minn meta kont żgħir. Kelli dawk is-sitt snin meta kont indoqq ir-radju u nkanta mad-diski li kienu jdoqqu. Minn dejjem kont nimmaġinani fuq il-palk bil-mikrofonu f’idi nkanta quddiem udjenza.”

“Ta’ seba’ snin bdejt nieħu l-lezzjonijiet tal-kant u ta’ 16-il sena bdejt nesperjenza l-ewwel konkors moużikali tiegħi. Ftit ftit komplejt nevolvi u l-familja tiegħi kienet dejjem miegħi partikolarment ommi li dejjem ħeġġitni.”

Tkellimna ma’ Aidan dwar l-aħħar żewġ suċċessi Naħseb Fik u Ritmu. Kemm kienu importanti sabiex ikollu suċċess fil-karriera tiegħu?

Hu qalilna li dawn ma kinux l-ewwel diski li kanta minħabba li kien hemm oħrajn li għalkemm ma kellhomx l-impatt ta’ dawn iż-żewġ diski, xorta waħda tawh l-ewwel togħma ta’ konkorsi mużikali.

Aidan ikkonferma li kemm Naħseb Fik kif ukoll Ritmu kienu ferm għal qalb il-Maltin partikolarment fuq l-istazzjonijiet tar-radju li tant daqqewhom u fuq kollox li spiċċaw fl-ogħla postijiet tal-klassifiċi lokali.

B’sodisfazzjon qal li Ritmu kienet l-unika kanzunetta fil-Malta Eurovision Song Contest li telgħet fl-ogħla postijiet fil-klassifika minn fost il-kanzunetti l-oħra li ħadu sehem.

Saħansitra meta kien Spanja u ħa sehem f’kunċert hemmhekk, Aidan baqa’ mistagħġeb b’xi ħaġa li ġrat.
“Irnexxieli nkanta quddiem folla kbira fi Spanja u wara li kantajt id-diska Ritmu, kif spiċċajt in-nies baqgħu jkantaw ir-ritornell ta’ din l-istess kanzunetta. Kienet xi ħaġa li bqajt imbellah fil-veru sens tal-kelma.”

Saqsejna lil Aidan kemm jarah popolari l-Eurovision Song Contest u jekk għandux ix-xewqa li xi darba jirrappreżenta lil Malta f’dan il-festival.

“Naħseb inkun qed nikteb li kieku ngħidlek li mhux ix-xewqa tiegħi li nirrappreżenta lil Malta f’dan il-festival hekk prestiġġjuż. Kull kantant u kantanta Maltija għandu l-għan li jagħmel dan u jien mhux b’inqas.”

Madankollu Aidan jammetti wkoll li din l-idea mhux qed tossessjonah iżżejjed anke għax għandu pjanijiet oħra ferm ambizzjużi.

“Fost l-oħrajn qed naħdem sabiex noħroġ album ġdid fejn se nkun qed nesperimenta mhux biss b’mużika Maltija iżda wkoll diski bil-lingwa Ingliża.”

Tkellimna ma’ Aidan dwar il-mużika Maltija u fuq kollox dwar il-lingwa nazzjonali tagħna. Hawn min jgħid li meta tkanta bil-Malti jkun hemm xi ftit taż-żvantaġġ. Iżda kemm hu veru dan kollu?

“Niċħad kategorikament li għax tkanta bil-Malti int tkun żvantaġġjat. Jien naraha li iktar mil-lingwa, in-nies iridu jisimgħu ritmu fil-mużika partikolari. Il-lirika hi importanti iżda mhux bilfors trid tiftiehem biex id-diska tagħmel suċċess.”

Iżda kif inbidlet ħajjet Aidan wara dawn l-aħħar żewġ suċċessi mużikali f’Mużika Mużika u fil-Malta Eurovision Contest?

“Hu veru li sirt aktar popolari u kulfejn immur kulħadd ikellimni. Madankollu jien kburi ngħid li bqajt l-istess Aidan li kont tliet snin ilu. Jien bniedem li nħobb inkellem lin-nies, inżomm ħafna saqajja mal-art u s-suċċess xejn ma jagħmel bija. Ma tantx inħobb inżomm barriera bejni u bejn is-segwaċi tiegħi u din naraha xi ħaġa ferm importanti.”

Aidan jgħid li mhux dejjem jirnexxielu jlaħħaq max-xogħol u mal-mużika. H jagħmel li jista’, iħobb jagħmel ċerti prijoritajiet u fuq kollox jara li dak li jagħmel isir bil-qalb u bl-aktar mod professjonali.

Iżda l-artist Malti kemm hu apprezzat? Jista’ jkun veru l-fatt li meta jiġi xi artist barrani kważi kważi l-Maltin jifirxulu t-tapit l-aħmar?

“L-ewwel u qabel kollox ma nistgħux nikkomparaw ruħna ma’ artisti barranin. F’dan il-każ, huma ma jkollhomx mijiet jew eluf jarawhom iżda miljuni u għalhekk mingħajr ma trid li ħafna minnhom isiru l-favoriti tiegħek. Madankollu nemmen ukoll li l-artist Malti qed jiġi apprezzat għall-isforzi li qed jagħmel sabiex itejjeb il-livell tal-mużika Maltija.”

Aidan Cassar jistqarr magħna li ġieli ġieh il-ħsieb li jmur jgħix barra u jiddedika ruħu esklusivament għall-mużika. Jammetti magħna li peress li Malta hi gżira ċkejkna, hemm ċerti limitazzjonijiet u ma nistgħux nikkkomparaw suċċessi ta’ artisti oħrajn li jgħixu f’pajjiżi iktar minnha. Madankollu hu jgħidilna li jmur fejn imur dejjem jgħid li hu minn Malta u jinsab kburi li twieled f’din il-gżira ċkejkna speċjalment bil-lingwa Maltija li hi waħda unika.

X’se jkun il-futur ta’ Aidan Cassar?

“Bla dubju se nkun qed naħdem sabiex noħroġ l-album il-ġdid fejn fih ikun hemm kontenut ġdid b’differenza fejn nista’ niżvela li se jkun hemm kemm diski bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Qed naħdem sabiex is-singles li se nkun qed ninterpreta jkollhom is-suċċess mixtieq. Fuq kollox, nixtieq nara lin-nies idoqqu d-diski tiegħi filwaqt li jkantaw il-liriċi tal-kanzunetta.”

Finalment tlabna lil Aidan sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.

“L-ewwel u qabel kollox qatt m’għandek taqta’ qalbek, anzi trid tibqa’ taħdem u taqdef. Bix-xogħol, int takkwista dak li tixtieq u s-sodisfazzjon jasal ukoll. Ġaladarba timxi fuq dawn l-ingredjenti li tajtek, għandek ir-riċetta għas-suċċess.”

Sport