Għadna kemm iċċelebrajna Jum il-Ħaddiem, festa nazzjonali li fiha nfakkru l-kisbiet kbar li għamlu missirijietna biex il-ħaddiema f’Malta u Għawdex ikollhom drittijiet xierqa fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. F’dan il-Jum niċċelebraw ukoll il-ħaddiema tal-lum li, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-mutur wara l-ekonomija tal-pajjiż. Huma l-ħaddiema s-sinsla li żżomm pajjiż fuq saqajh għax mingħajrhom kollox jistgħaġna. Huwa proprju għalhekk li għandna, ta’ kuljum, nitkellmu u nħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema tagħna. Dan għax huwa ta’ kuljum li l-ħaddiema joħroġu minn djarhom biex imorru għax-xogħol u jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom u tal-familji li jrabbu.
Il-ħaddiem joffri ħidmietu. Tista’ tgħid terz tas-sigħat imqajjem jagħmilhom fuq il-post tax-xogħol u jagħti servizz. Għaldaqstant dak is-servizz, avolja bi ħlas, għandu jkun apprezzat u rrispettat. Ħaddiem m’għandux, għax ovvjament għandu bżonn ix-xogħol, ikun sfruttat, abbużat jew imkasbar. Realtà li minkejja li ilha miġġielda s-snin, għad hemm ħaddiema li jsofruha fis-skiet.
L-isfidi għall-ħaddiema li għandna nitkellmu dwarhom lil hinn mill-frilli u l-kliem sabiħ fil-Jum iddedikat lilhom, ivarjaw. Ir-realtà hija li għad hemm ħaddiema li jsofru inġustizzji li jinkludu, imma mhux limitati biss, diskprepanzi fil-pagi, kundizzjonijiet mhux xierqa, ambjent perikoluż jew tossiku, limitazzjonijiet u nuqqas ta’ aċċess, pagi baxxi li ma jirriflettux l-għoli tal-ħajja, żbilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja jew personali, mard li fiż-żminijiet tal-lum dak mentali qiegħed jipprevali u problemi ta’ mobbiltà b’waħda minnhom tkun dik tat-traffiku.
Iżda ta’ min jippuntwalizza li d-drittijiet tal-ħaddiema f’pajjiżna huma mħarsa. Għalhekk missirijietna ġġieldu. Gvern Laburista, li minn dejjem u għadu sal-lum il-partit tal-ħaddiem, f’dawn l-aħħar snin għamel avvanzi kbar u ħa passi importanti biex jassigura li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikunu mhux biss protetti imma wkoll jingħataw id-drittijiet li jixirqulhom. Kontra l-abbuż mhux biss għandna liġijiet ċari imma għandna wkoll diversi unjins b’saħħithom bħalma hija l-General Workers’ Union (GWU), kif ukoll korpi, istituzzjonijiet u organizzazzjoni li qegħdin hemm biex jiżguraw li l-ħaddiema jingħataw dak li ħaqqhom u li jgħixu b’dinjità.
L-abbużi, l-inġustizzji u d-diskrepanzi ma jsirux mill-gvern innifsu imma jsiru minn dawk il-ftit li jaħsbu li għax huma sidien tal-postijiet tax-xogħol, għandhom poter assolut fuq ħajjet il-ħaddiema tagħhom. Huwa proprju għalhekk li l-ħaddiema huma mħeġġa li jingħaqdu f’unjin tal-għażla tagħhom, proposta tajba u importanti li l-istess GWU qiegħda tisħaq dwarha. Dan għax kif għidna u nemmnu, id-drittijiet tal-ħaddiema għandhom ikunu mħarsa ta’ kuljum. Huwa proprju għalhekk li nisħqu biex dawk il-ħaddiema li b’xi mod jew ieħor qegħdin isofru, jistgħu jirrikorru għal-liġi jew għand dawk l-istituzzjonijiet li jipproteġuhom fosthom it-Tribunal Industrijali u l-NCPE. Xogħolhom dawn huwa li fejn hemm inġustizzji lejn xi ħaddiema, tittieħed azzjoni u jagħtu s-sostenn meħtieġ lill-ħaddiema milquta.
Il-liġi hija ċara u hija ċara fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull ħaddiem minn kull skala. Nemmnu li l-ħaddiema kollha għandhom id-drittijiet tagħhom. Id-dritt tax-xogħol, id-dritt li jaqilgħu għixien xieraq, id-dritt li jaħdmu f’ambjent sabiħ li fih ikunu jistgħu jikbru u jkunu kuntenti, id-dritt li javvanzaw u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u d-dritt li fl-istess ħin ikollhom bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u dik personali.
Il-ħaddiema tagħna għandhom finalment id-dritt li jkunu rrispettati u mħarsa mhux biss bħala ħutna Maltin imma bħala ħaddiema li grazzi għal ħidmiethom, pajjiżna huwa prosperuż.