Friday, December 27, 2024

“Lil James fl-iskola ma konniex nisimgħuh jgħidilna xi kelma iżda għajnejh kienu juruna dak li bil-kliem ma setax jesprimi”

- Is-Surmast Lelio Spiteri

Aqra wkoll

“Lil James fl-iskola ma konniex nisimgħuh jgħidilna xi kelma jew frażi, iżda għajnejh, l-istess preżenza tiegħu kienu juruna b’mod ċar dak li bil-kliem ma setax jesprimi. Tifel ħelu, simpatiku, soċjevoli. Ma konniex qed nistennew aħbar bħal din f’nofs Sajf sħun u niexef. Sajjetta tfaqqa’ fil-bnazzi”.

Qal dan, Lelio Spiteri, il-Kap tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, f’kitba li qasam fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, fejn irrimarka li mhux is-soltu tiegħu li jeħel fi kliemu u li ma jkunx jaf x’se jaqbad jgħid.

B’referenza għal James it-tifel ta’ tliet snin li tilef ħajtu, huwa qal li aktar tard waranofsinhar, ser tiġi ċċelebrata l-ħajja tiegħu. Irrimarka li l-aktar ħaġa li skantatu kienet kif minn dan il-mument ta’ dlam, tqil, traġiku, il-ġenituri tiegħu ħasbu f’ħaddieħor, sens ta’ altruwiżmu li saħansitra jiżboq in-negattiv, l-imrar, il-mewt.

Qal ukoll; “Xtaqu li bis-saħħa ta’ binhom James jgħinu lil Dar Arka tkompli toffri servizzi għal tfal u persuni li għandhom bżonnijiet differenti minn tagħna. Bħala skola aħna wkoll qed nagħtu s-sehem tagħna biex jinġabru fondi għal din id-Dar. Hekk it-tifkira tat-tfajjel tibqa’ magħna”.

Spiteri spjega li minkejja li f’Settembru, fil-klassi tal-Kinder 2, se jkun hemm siġġu vojt, James hemm ser jibqa’ hemm f’qalb kulħadd. Qal li James qiegħed ħdejn il-Mulej Ġesu’ jitlob għall-familja tiegħu li tant teħtieġ faraġ, tama u kuraġġ.

Il-Kap tal-iskola temm il-messaġġ billi saħaq; “Aħna nibagħtu tgħanniqa u bewsa kbira lil James, lil ommu, lil missieru, lil ħutu u lill-familja kollha b’wegħda li jkunu dejjem fi ħsiebna waqt talbna. James ser ikun minn ta’ quddiem biex jipproteġi lilna lkoll fil-Happy School il-ġdida”.

Ekonomija

Sport