Is-servizz bla ħlas fl-Isptar tal-Istat huwa servizz li l-poplu ilu jgawdi minn żmien il-Perit Dom Mintoff. Servizz essenzjali għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha. Wieħed mis-servizz kruċjali fil-kura tas-saħħa pubblika huwa proprju dak tal-Emerġenza fejn fis-sena li għaddiet waħidha, f’dak ta’ Mater Dei ġew ikkurati 140,000 pazjenti u 24,000 oħra fl-Emerġenza tal-Isptar f’Għawdex.
F’Lulju li għadda l-Gvern Malti ħareġ espressjoni ta’ interess għal outsourcing tas-servizz tal-Emerġenza fil-privat, inizjattiva li biha jiżgura li l-poplu jinqeda aktar malajr u għaldaqstant, aħjar. Dan is-servizz, minkejja fil-privat, għal darb’oħra se jkun bla ħlas. Dan il-ġurnal ħareġ fit-toroq biex jara x’jaħsbu n-nies dwar din l-inizjattiva. Staqsejna jekk jaqblux li flok pazjent inqeda fl-Isptar Mater Dei imur fil-privat u jħallas il-Gvern. Lil kull min staqsejna, bl-ebda dubju jew eżitazzjoni, irrispondew li jaqblu.
“Naqbel għax ikun hemm aktar effiċjenza. Tajba għax iħallas il-Gvern u ma tibqax fuq il-waiting list. Li huwa tajjeb mhux se tgħidlu li huwa ħażin” – Joseph Abela, 64 sena.
“Jien immur kemm Mater Dei u anke fil-privat. Tajba bħala inizjattiva u naqbel la jħallas il-Gvern. ” – Bonnici, 68 sena.
“Ġieli mort għand il-privat għax tiddejjaq tistenna. Jiġifieri bżonn, bżonn. Jien kelli problema bil-ħniex fl-istonku. Għamilt 20 sena u mort għand xi ħames tobba, inkluż professur. Imbagħad solvejtha. Jien għandi t-tobba fil-familja u naqbel ma’ din l-inizjattiva għax fejn tidħol il-mediċina naqbel”. – John Formosa, 60 sena.
“Tmur l-Isptar tagħmel sitt sigħat u tmur fil-privat tagħmel siegħa. Hekk se tinqeda xorta u ma tħallas xejn. Flok is-St James ġie privat, ġie sptar normali. Il-problema hija l-popolazzjoni imma hekk qiegħed tnaqqasha ħafna. Soluzzjoni m’inti se ssib qatt għax hemm min imur l-Isptar għal xejn mentri l-ħaddiema għandhom ħinijiet twal. Jgħejja l-moħħ. Tajjeb li jħallas il-Gvern għax jien minn buti kont inħallas.” – persuna li xtaqet tibqa’ anonima.
“Iva naqbel għax Mater Dei mod u jdum n-nies. Mentri, fil-privat lanqas iddum. Il-privat, hekk, hemm il-Gvern u jħallas lilhom. Ma tħallas xejn u lanqas iddum u hemmhekk iddum u hemm il-mard. Għalija importanti li ma ndumx nistenna.” – Ursula Vella, 44 sena
“U żgur li naqbel. Hawn ħafna anzjani msieken… Kemm idumu jistennew għall-irkoppa. Naħseb l-aqwa dipartiment li għandu l-Gvern huwa tal-qalb. Se jibdewha f’tal-Emerġenza? Qablu? Mela, ma jħallasx il-Gvern u mmur inħallas jien? Għandhom jaċċettaw… Mhux ovvja.” – Tony Cumbo, 76 sena
“Jiena naħseb li tajba għax jekk fl-Emerġenza jkun hemm ħafna nies, jekk se jħallaslek il-Gvern, tmur fil-privat la se tinqeda xorta. Jiena pensjonanta u ġieli mort fil-privat. Tħallasli t-tifla. Il-privat għoli ħafna pereżempju għal naqra viżta ta’ professjonist trid mas-€70. Kemm se ndum inġebbidha din in-naqra pensjoni li għandi? Jiena, la se jħallas il-Gvern, kieku mmur fil-privat”. – Antonia Aquilina, 68 sena.