Monday, November 4, 2024

Linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ tipproduċi 3,000 tunnellata ta’ materjal tal-ogħla kwalità li qatt kien hawn

Aqra wkoll

WasteServ ipproċessat u poġġiet fuq is-suq 3,000 tunnellata ta’ ħġieġ, ekwivalenti għal aktar minn 13-il miljun flixkun tal-ħġieġ. Din hija l-ewwel darba li materjal ta’ kwalità daqshekk għolja qed jiġi offrut, wara li f ’Ġunju li għadda ġiet installata linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ. 

Bl-introduzzjoni mill-ġdid ta’ 3,000 tunnellata ta’ ħġieġ fl-ekonomija ċirkolari, WasteServ qed tiżgura li dan il-materjal, li jista’ jiġi riċiklat b’mod infinit, jingħata ħajja ġdida biex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq l-ambjentali u tiġi konservata l-materja prima.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli faħħret din il-kisba. “Bħala pajjiż, bdejna naraw il-frott ta’ dan l-investiment ta’ €2.5 miljun hekk kif qed nkomplu nersqu lejn il-miri Ewropej tar-riċiklaġġ. L-isforzi ta’ WasteServ jenfasizzaw l-importanza tal-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart, fejn l-iskart jitqies bħala riżorsa siewja.”

“Din il-faċilità ġdida qed tipproduċi ħġieġ ta’ grad ogħla b’ iktar effiċjenza. Dan huwa parti mill-impenn ta’ WasteServ fi tranżizzjoni ta’ Malta lejn iktar ekonomija ċirkolari” spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca.

Il-linja awtomatizzata għall-ħġieġ, inawgurata f’Ġunju li għadda, tipproduċi ħġieġ li huwa ‘furnace-ready’ li jfisser li m’hemmx bżonn tal-ebda pproċessar addizzjonali mill-manifatturi. Dan jippermetti li l-ħġieġ jista’ jiġi integrat mill-ewwel fil-katina tal-produzzjoni biex jinħolqu fliexken u vażetti minn ħġieġ riċiklat.

Dan l-investiment huwa parti mill-istrateġija kontinwa ta’ WasteServ biex timmodernizza l-infrastruttura tagħha u tittrasforma l-iskart f’riżorsa. Ftit ġimgħat ilu, ġie installat pasteuriser ġdid biex materjal li jibqa’ fl-aħħar tal-proċess tal-iskart organiku jinbidel f’kompost ta’ grad agrikolu. Barra minn hekk, WasteServ qed taħdem biex timmassimizza l-użu tal-miżbliet eżistenti biex tiġi ppreservata l-art agrikola.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport