Fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Maltija tal-Films hemm it-tisħiħ u l-għajnuna lil crews ta’ ħaddiema li jaħdmu magħha. Fil-fatt, wara li semgħet x’kellhom xi jgħidu l-membri tal-crews, il-Kummissjoni ressqet quddiemhom għaxar wegħdiet li se jiffurmaw il-bażi tal-ewwel dokument ta’ gwida għal dawn il-ħaddiema.
B’dawn il-linji gwida, l-ħaddiema fl-industrija Maltija tal-films se jkollhom l-opportunita jagħżlu x’impjieg iridu jekk ikunx fuq bażi full-time għat-terminu tal-kuntratt jew inkella jkunux ħaddiema għal rashom. Il-kuntratti tax-xogħol se jibdew jinħarġu fl-ewwel ġimgħa mill-ingaġġ.
Fost dawn il-kundizzjonijiet ġodda hemm ukoll li ġurnata tax-xogħol tkun ta’ tnax-il siegħa bis-sigħat ta’ wara jitqiesu saħra u jitħallsu bir-rata ta’ siegħa, siegħa u nofs. F’każ ta’ festa pubblika, il-ħlas ikun id-doppju tar-rata normali. Is-siegħat ta’ xogħol se jkunu l-istess għal kulħadd, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin.
Se jingħata wkoll allowance ta’ €20 kuljum għall-ikel lil membri kollha tal-crews għat-tul tal-produzzjoni li jkunu involuti fiha.
Dawn il-prijoritajiet, skont il-Kummissjoni tal-Films, huma mmirati sabiex joħolqu ġustizzja kemm jista jkun mal-membri kollha tal-crews.