Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar il-link diretta bil-ħelikopter għat-trasferiment ta’ pazjenti bejn Għawdex u l-Isptar Mater Dei.
Il-ministru qal li sa mill-bidu li beda jopera l-Isptar Mater Dei, il-helipad ma wettaqx l-iskop oriġinali tiegħu, minħabba sfidi varji li kienu jimpedixxu l-inżul tal-ħelikopters. Spjega li l-ministeru fehem l-importanza kritika ta’ helipad funzjonali fi sptar ċentrali fejn kull minuta tgħodd biex jiġu salvati l-ħajjiet. Għalhekk, ir-riabilitazzjoni ta’ dan is-sit ġiet trattata bħala prijorità u l-isfidi ġew megħluba.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li permezz ta’ ħidma mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Transport Malta, u speċjalisti tal-avjazzjoni internazzjonali, il-ministeru ħejja l-helipad ta’ Mater Dei, bl-ewwel titjira (test-flight) tinżel fil-helipad fil-5 ta’ Diċembru 2024.
Huwa tkellem dwar kif ilbieraħ stess, l-10 ta’ Diċembru, twettaq b’suċċess l-ewwel użu mediku permezz ta’ din il-link, hekk kif pazjent Għawdxi ttajjar minn Għawdex għal Mater Dei fi stat t’emerġenza. It-trasferiment dam biss 15 il-minuta bil-pazjent ikun lest għall-intervent anġografiku fis-sala operatorja fid-Dipartiment tar-Radjoloġija.
“Dan hu żvilupp kruċjali fil-kura tal-pazjenti Għawdxin. Għalina saħħet l-pazjent ser tibqa prijorità assoluta. Għalhekk ser inkomplu nsaħħu dan is-servizz bil-fażi li jmiss ta’ helipad fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex,” temm jgħid il-ministru, filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti tal-impenn tagħhom.