Sunday, November 24, 2024

Lionel Messi jkompli jiskorja

Aqra wkoll

L-istilla Arġentin, Lionel Messi, skorja doppjetta brillanti biex għen lil Inter Miami jissiġillaw rebħa drammatika kontra FC Dallas li biha waslu sal-kwarti-finali tal-Leagues Cup.

FC Dallas kienu 4-2 minn fuq meta kien fadal 10 minuti, iżda żewġ goals tard tefgħu l-logħba f’penalty shoot-out li Miami rebħu 5-3 fit-Toyota Stadium fi Frisco, Texas.

Miami ma kienux rebħu fil-11-il logħba ta’ qabel il-wasla ta’ Messi, iżda issa rebħu erbgħa konsekuttivi.

L-eks attakkant ta’ Barcelona u Paris St-Germain fetaħ l-iskor wara sitt minuti, b’xutt mibrum mal-lasta minn barra l-kaxxa, iżda Dallas kienu 3-1 fil-vantaġġ wara siegħa logħob.

Il-midfielder Benjamin Cremaschi naqqas id-distakk għal Miami iżda auto-goal ta’ Robert Taylor rrestawra l-vantaġġ ta’ żewġ goals ta’ Dallas.

Miami ngħataw it-tama fit-80 minuta meta Marco Farfan tefa’ cross ta’ Messi fix-xibka tiegħu stess, qabel ma r-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja ta’ 36 sena skorja minn free-kick mill-isbaħ biex ġab id-draw ħames minuti wara. B’hekk issa skorja seba’ goals f’erba’ dehriet.

Messi poġġa lil Miami fi triqthom fil-penalties bl-eks sieħbu ta’ Barcelona, Sergio Busquets, ukoll iżomm il-kalma mill-11-il metru hekk kif il-penalty mitluf ta’ Paxton  Pomykal għal Dallas swielhom qares.

Inter Miami huma l-ewwel team li kiseb post fil-kwarti-finali tal-Leagues Cup, li bdiet fl-2019 u tinvolvi timi­jiet mill-Istati Uniti u l-Messiku li jikkompetu f’format ta’ knock-out.

Sport