Sunday, December 22, 2024

Lionel Messi jrid “jirkupra” mill-falliment tal-UEFA Champions League

Aqra wkoll

Staġun li beda b’eċċitament u b’daqshekk deni qed jirriżulta f’xejn inqas minn fjask f’Pariġi għal Lionel Messi, li sofra wkoll l-ibbuw­jar mill-partitarji tiegħu stess fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Il-partitarji mhux kuntenti ta’ Pa­ris St-Germain immiraw lill-Arġentin kif ukoll lill-Brażiljan, Neymar, waqt ir-rebħa ta’ 3-0 fuq Bordeaux li segwiet l-eliminazzjoni spettakolari tal-club miċ-Champions League minn idejn Real Madrid.

“Aħna nifhmu d-diżappunt tagħ­hom, is-sensazzjoni tagħhom ta’ mibegħda,” ammetta d-difensur ta’ PSG, Presnel Kimpembe.

Adurat f’Barcelona, li ħalla lill- istess club b’mod emozzjonanti f’Aw­wissu li għadda, f’daqqa waħda ir-rebbieħ seba’ darbiet tal-Ballon d’Or sab ruħu f’pożizzjoni li qatt ma kien esperjenza qabel matul il-karriera notevoli tiegħu fil-club.

Il-player ta’ 34 sena għad fadallu 10 logħbiet ma’ PSG dan l-istaġun, inkluż il-vjaġġ tal-lum f’Monaco, iżda jista’ jiġi “skużat” għax xtaq li l-kampanja tkun diġà spiċċat.

F’ċerti aspetti hija, minħabba li PSG reġgħu naqsu milli jirbħu ċ-Champions League.

Meta Messi ġie ppreżentat fil-Parc des Princes fil-bidu tal-istaġun huwa stqarr li r-rebħ ta’ Tazza tal-Ewropa oħra kienet il-“ħolma” tiegħu u qal li ħass li jinsab fil-“post ideali” biex jagħmel dan.

Ma kellux ikun, għall-inqas dan l-istaġun, u Messi se jkollu 35 sena sa meta jibda dak li jmiss. Minflok kull ma jista’ jistenna bil-ħerqa għalissa hu li jirbaħ it-titlu ta’ Ligue 1.

It-team ta’ Mauricio Pochettino qed igawdi 15-il punt vantaġġ fuq Marseille u Nice, u żgur li PSG ma jistgħux jarmu vantaġġ ferm notevoli.

Fi kwalunkwe każ, li jirkupra t-titlu domestiku se tkun rebħa voj­ta ħafna għal club li jgawdi vantaġġ finanzjarju daqshekk enormi fuq ir-rivali tagħhom – is-salarju ta’ Messi biss huwa rappurtat li huwa ta’ madwar €30 miljun nett fl-ewwel staġun tiegħu f’Pariġi.

Bla dubju, il-player li huwa l-aqwa ta’ kull żmien, naqas li jersaq li jiġi viċin b’mod remot lejn il-forma li pproduċa b’mod regolari f’Barcelona.

Huwa għandu biss seba’ goals fil-kompetizzjonijiet kollha dan l-istaġun, li minnhom tnejn biss waslu f’Ligue 1 – b’kuntrast huwa skorja mill-inqas 31 goal f’kull wieħed mill-aħħar 13-il staġun tie­għu fin-Nou Camp.

Staġun li beda tard minħabba n-nuqqas tiegħu tal-pre-season, ġie nterrott wkoll fin-nofs meta rriżulta pożittiv għal Covid-19 waqt vjaġġ lura lejn l-Arġentina.

Għalhekk Messi tilef żmien sinifikanti, u l-bravuri tal-ġenju tiegħu kienu ftit wisq.

Fi Franza diġà kien hemm spekulazzjoni li jista’ jfittex li jitbiegħed minn Pariġi, iżda għalissa jrid jipprova jiffoka fuq dak li fadal mill-istaġun u l-logħob li fadal flimkien ma’ Kylian Mbappe qabel it-tluq mistenni tas-super stilla Franċiż għal Real Madrid.

Ekonomija

Sport