Rapporti fi Franza qed isostnu li l-attakkant internazzjonali Arġentin, Lionel Messi, m’għandu l-ebda intenzjoni li jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Paris Saint-Germain, hekk kif jintemlu fit-30 ta’ Ġunju li ġej.
Dan ifisser li dawn huma l-aħħar xhur ta’ Messi li jibqa’ jilgħab bil-flokk tal-Pariġini. Kollox kien qed jindika li l-player ta’ 35 sena kien se jġedded il-kuntratt tiegħu iżda issa jidher li huwa għandu destinazzjoni oħra f’moħħu.
Din is-sitwazzjoni hija kemmxejn stramba hekk kif il-club Franċiż kien qed iħejji kuntratt mill-aktar attraenti iżda fil-veritá għad m’hemm xejn konfermat.
Rapporti oħrajn qed isostnu li Messi jista’ jmur jilgħab fil-Kampjonat tal-Arabja Sawdija fejn hemm Cristiano Ronaldo li ngħata pakkett finanzjarju ta’ €400 miljun.
Messi rebaħ kull unur li joffri l-football kemm fuq dak internazzjonali, dak tal-clubs u dak personali … bl-aħħar wieħed ikun ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja.
Għaldaqstant ma tkun l-ebda sorpriża li huwa jingħaqad mar-rival tiegħu u jmur jilgħab fil-Kampjonat Sawdi.
Nistennew u naraw.