Liverpool ikkonfermaw it-tluq ta’ seba’ players, fosthom l-attakkant Divock Origi, meta jintemmulhom il-kuntratti tagħhom fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Ġew rilaxxati wkoll il-goalkeeper Ġermaniż, Loris Karius, u l-eks players tal-ewwel team, Sheyi Ojo, u Ben Woodburn, flimkien ma’ tliet membri tal-akkademja tal-club.
Origi qatta’ tmien snin f’Merseyside u ssiġilla r-rimonta mill-isbaħ tar-Reds biex eliminaw lil Barcelona 4-0 fiċ-Champions League fl-2019.
Waqt li ħabbru it-tluq tiegħu, Liverpool kitbu: “Divock Origi se jħalli lill-club meta jiskadi l-kuntratt tiegħu fl-aħħar ta’ Ġunju.
“Grazzi għal tmien snin inkredibbli ta’ servizz u li ħallielna tant memorji speċjali. @DivockOrigi, leġġenda ta’ Liverpool”.
Karius sar magħruf għall-prestazzjoni mifruxa bl-iżbalji tiegħu fil-finali taċ-Champions League tal-2018 kontra Real Madrid, u qatta’ ħafna mill-karriera sussegwenti tiegħu f’Anfield b’self ma’ clubs oħra. Interessanti huwa l-fatt li din il-finali kienet l-aħħar logħba tiegħu mar-Reds minkejja li minn dakinhar baqa’ fuq il-kotba tagħhom.
Ojo għamel 13-il dehra mal-kbar, fejn skorja fir-rebħa tal-FA Cup fuq Exeter, filwaqt li Woodburn sar l-iżgħar skorer tal-club – titlu li għadu jżomm – meta skorja fil-partita tal-League Cup kontra Leeds United fl-età ta’ 17-il sena u 45 ġurnata fejn kiser ir-rekord ta’ Michael Owen b’98 ġurnata li kien irreġistra kontra Wimbledon, f’Mejju 1999.
Il-players tal-Akkademja, Elijah Dixon-Bonner u Luis Longstaff – li għamlu dehriet fl-ewwel team f’kompetizzjonijiet tat-tazzi domestiċi – ġew rilaxxati wkoll, flimkien ma’ Sean Wilson.