Chelsea ………….0
Liverpool ……… 0
(Liverpool 6-5 bil-penalties)
Liverpool rebħu l-FA Cup għat-tmien darba meta fil-finali għelbu lil Chelsea 6-5 bl-għoti tal-penalties wara li spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals.
Ta’ min jgħid li fi storja ta’ 150 ta’ din il-kompetizzjoni kienet l-ewwel darba li l-finali kienet kontestata bejn żewġ managers Ġermaniżi … Thomas Tuchel (Chelsea) u Jurgen Klopp (Liverpool).
Kienu Liverpool li ħarġu fuq l-offensiva fejn fl-ewwel kwarta fetħu pressjoni li ġiegħlet lill-players ta’ Chelsea jirtiraw lura bl-aktar player perikoluż kien Luis Diaz li ħarbat għal kollox lid-difiża avversarja.
Chelsea bdew jippruvaw joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom u l-ewwel attakk tagħhom wasal fis-17-il minuta, meta rebħu free-kick barra l-kaxxa li sfuma fix-xejn.
Liverpool komplew jiddominaw iżda minkejja li sal-20 minuta kellhom sitt tentattivi lejn il-lasti avversarji, ma għarfux jisfruttaw għall-inqas wieħed minnhom.
Anzi, l-aktar li resqu viċin kienu Chelsea, fl-24 minuta, meta minn kontrattakk veloċi, il-konklużjoni ta’ Christian Pulisic għaddiet ftit barra.
Erba’ minuti wara kien il-goalkeeper ta’ Liverpool, Alisson Becker, li evita goal ċert meta ħareġ fil-ħin biex salva fuq Marocs Alonso li ġie żmarkat minn Pulisic.
Fil-31 minuta, Liverpool tilfu lil Mohamed Salah wara li sofra injury fil-groin u għaldaqstant kellu jinbidel ma’ Diogo Jota.
Din l-injury kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal Liverpool hekk kif jista’ jfisser li l-istaġun għalih huma mitmum hekk kif ġimagħtejn oħra jridu jilagħbu fil-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid.
U bil-players demoralizzati għall-aħħar, Chelsea resqu ferm viċin li jiftħu l- iskor iżda Pulisic naqas li jikkonnettja mis-suġġeriment ta’ Romelu Lukaku.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Jota falla ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasti għamel l-impossibbli u xeħet għoli.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Chelsea ħarġu aktar avventurużi u bdew jikbru fl-istatura konxji mill-fatt li l-avversarji ddgħajfu bl-injury ta’ Salah.
Issa kienu huma li qabdu l-momentum u xeħtu lil Liverpool jiddefendu li saħansitra f’xi ħinijiet dehru wkoll panikużi.
Peró mal-ħin bdew jidħlu fil-logħba u bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji. Madankollu l-partita tilfet mill-entużjażmu tal- ewwel taqsima hekk kif it-taqtiegħa kienet f’nofs il-ground biż-żewġ settijiet ta’ players joperaw bil-kontrattakki … u minkejja heddew il-lasti avversarji, iż-żewġ goalkeepers ftit li xejn ġew impenjati.
Fis-67 minuta Chelsea laqtu l-lasta minn free-kick ta’ Marcos Alonso filwaqt fit-83 u fl-84 minuta kien imiss lil Luis Diaz u lil Andy Robertson jiġu mċaħħda mil-lasta għal Liverpool.
Bir-riżultat jibqa’ ma jinfetaħx il-partita kellha tmur għall-ħin barrani … u saħansitra għall-penalties fejn il-players dehru għajjenin fiżikament u mentalment.
Għal Liverpool skorjaw Milner, Thiago, Firmino, Alexander-Arnold, Jota u Tsimikas filwaqt li falla Mane.
Għal Chelsea skorjaw Alonso, James, Barkley, Jorginho, u Ziyech filwaqt li Azpilicueta u Mount fallew.