Liverpool laħqu ftehim ma’ PSV Eindhoven biex jiffirmaw lill-attakkant internazzjonali Olandiż, Cody Gakpo.
Gakpo, ta’ 23 sena, kellu Tazza tad-Dinja impressjonanti fil-Qatar, fejn skorja tliet goals hekk kif għen lill-Olanda jaslu sal-kwarti-finali fejn sfaw eliminati permezz tal-għoti tal-penalties kontra l-Arġentina.
Il-ħlas għall-winger mistenni jkun €40 miljun.
PSV qalu li Gakpo se jivvjaġġa lejn l-Ingilterra biex isirlu t-test mediku u jiffirma l-kuntratt tiegħu.
Ir-Reds se jiffirmaw lil dan il-player minħabba li bħalissa ma jistgħux jagħmlu użu miż-żewġ wingers, Luis Diaz u Diogo Jota, li qed jirkupraw minn injury flimkien ma’ Roberto Firmino.
Dan ifisser ukoll li Liverpool serqu dan it-trasferiment minn idejn ir-rivali eterni, Manchester United, li kienu ilhom jiġru wara l-firma ta’ Gakpo mis-sajf li għadda.
Stqarrija mill-club Olandiż kienet tgħid li: “Il-management ta’ PSV temm in-negozjati ma’ Liverpool f’Boxing Day u ta permess lil Gakpo biex jivvjaġġa lejn l-Ingilterra.”
F’dan l-istaġun, Gakpo kien f’forma brillanti fejn skorja disa’ goals u pprovda 12-il assist f’14-il logħba tal-kampjonat għal PSV.
Huwa skorja wkoll tliet goals u rreġistra żewġ assists f’ħames partiti fil-UEFA Europa League.
Fit-Tazza tad-Dinja, huwa skorja f’kull partita tal-gruppi ta’ pajjiżu kontra s-Senegal, l-Ekwador u l-Qatar.