Liverpool jinsabu tliet punti bogħod mir-rebħ tal-Premier League Ingliż meta barra minn darhom għelbu lil Leicester City bl-iskor ta’ 1-0 biex f’din it-telfa l-Foxes saru t-tieni team relegat wara Southampton.
Leicester v Liverpool – Minkejja li ddominaw għal ħafna ħinijiet, Liverpool ħarġu rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0 … bl-uniku goal jasal minn Trent Alexander-Arnold li f’intervista wara l-logħba ta’ indikazzjoni li fi tmiem l-istaġun se jingħaqad ma’ Real Madrid.
L-attakkant Eġizzjan, Mohamed Salah, kien sfortunat li fit-tieni minuta ġie mċaħħad meta l-ballun ħabat darbtejn ma’ sieq il-lasta.
Fulham v Chelsea – Chelsea dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Fulham bl-iskor ta’ 2-1.
Kienu dawn tal-aħħar li fetħu l-iskor, fl-20 minuta, meta Reece James tilef il-pussess tal-ballun biex Ryan Sessegnon approfitta, avvanza u għadda lejn Alex Iwobi li minn tarf il-kaxxa xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fit-tieni taqsima, Chelsea kienu kemmxejn aħjar u fl-84 minuta huma kisbu d-draw minn xutt ta’ Tyrique George minn tarf il-kaxxa.
U meta kollox deher li l-partita kienet se tispiċċa fi draw, Pedro Neto (93) ta r-rebħa lill-Pensioners.
Ipswich v Arsenal– Arsernal marru għand Ipswich u b’mod mill-aktar faċli għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0.
Wara 14-il minuta, il- Gunners fetħu l-iskor meta Martin Odegaard għadda lejn Bukayo Saka li xeħet cross fejn sab lil Leandro Trossard li għeleb għal kollox lill-goalkeeper, Alex Palmer.
Ipswich qatt ma nkwetaw lill-goalkeeper, David Raya, u ma kienet l-ebda sorpriża li, fid-29 minuta, it-team immexxi mill-coach, Mikel Arteta, irdoppja meta Saka qassam lil Mikel Merino li b’daqqa ta’ takkuna żmarka lil Gabriel Martinelli li kompla l-ballun għal ġewwa.
U biex tkompli tiġihom ħażin, fit-32 minuta, Ipswich spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Leif Davis għal foul ikrah fuq Bukayo Saka.
B’vantaġġ ta’ zewġ goals, Arsenal ma tantx ippressaw iżda dejjem kienu fil-kontroll tal-partita.
Fid-69 minuta, huma kabbru l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner il-ballun wasal għand Leandro Trossard li b’xutt fil-baxx xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka. U fit-88 minuta, iż-żagħżugħ Ethan Nwaneri ssiġilla r-rebħa b’azzjoni personali.
Man Utd v Wolves – Barra minn darhom Wolves għelbu lil Manchester United bl-iskor ta’ 1-0 biex minbarra li rreġistraw double fuq ir-Red Devils huma kisbu l-ħames rebħa konsekuttiva, xi ħaġa li l-aħħar darba li għamluha kien fl-1970.
Fil-veritá, Manchester United kienu l-aktar team li attakka iżda l-mument kruċjali wasal fis-77 minuta minn free-kick impekabbli Pablo Sarabia.