Sunday, December 22, 2024

Liz Truss se tkun il-Prim Ministru l-ġdid tal-Ingilterra

Aqra wkoll

Liz Truss se tkun il-Prim Ministru l-ġdid tal-Ingilterra wara li rebħet it-tellieqa għat-tmexxija fi ħdan il-Partit Konservattiv. Hija rebħet bil-wegħda li se tnaqqas it-taxxi u ssib soluzzjonijiet prattiċi għall-kriżi tal-enerġija. 

Wara ġimgħat tellieqa li kienet waħda mqanqla ħafna, Truss – li fil-preżent hija l-Ministru tal-Affarijiet Barranin – għelbet l-isfida tal-eks Ministru tal-Finanzi Rishi Sunak waqt votazzjoni li saret fi ħdan il-Partit Konservattiv.

Truss kisbet 81,326 tal-voti filwaqt li Sunak kiseb 60,399.Truss se ssib għadma iebsa quddiemha hekk kif il-pajjiż bħalissa qiegħed jiffaċċja żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, instabbiltà industrijali, theddida ta’ riċessjoni kif ukoll gwerra fl-Ewropa.

F’diskors li għamlet hija neħħiet kull spekulazzjoni li se jkun hemm xi elezzjoni ġenerali fil-qrib hekk kif hija qalet li l-partit tagħha “se jagħmel rebħa kbira fl-2024”.

B’hekk issa Truss se tkun qiegħda tieħu post Boris Johnson li kien sfurzat jirriżenja f’Lulju li għadda wara xhur ta’ instabbiltà minħabba skand­li li naqqru l-appoġġ lejn l-amministrazzjoni tiegħu. Għada Boris John­son se jkun qiegħed jivvjaġġa lejn l-Iskozja fejn hemm jiltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta u uffiċjalment jissottometti r-riżenja tiegħu. Truss se tkun preżenti wkoll, u hemm tiġi mitluba mir-Re­ġina biex tifforma gvern. 

Ekonomija

Sport