Sunday, December 22, 2024

ll-mużika maġika tal-maestro … Is-suċċess ta’ Morricone

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-Tnejn, 6 ta’ Lulju, ħalliena il-kompożitur Ennio Morricone.  Huwa kkompona l-mużika għal diversi films, fosthom “The Good, the Bad and the Ugly” u “The Mission”.  Dan il-kompożitur prolifiku hu wieħed mill-aktar ammirati fl-istorja taċ-ċinema.  Rebaħ Oscar fl-2016 meta kkompona l-mużika għal “The Hateful Eight”.  Morricone kien ġie innominat ħames darbiet oħra għall-mużika ta’: “Days of Heaven” (1979); “The Mission” (1987); “The Untouchables” (1988); “Bugsy” (1992); u “Malèna” (2001).

Fl-2007 ingħata Oscar onorarja.  B’hekk, kien sar it-tieni kompożitur fl-istorja tal-Academy Awards li ħa Oscar Onorarja.  L-ewwel wieħed kien Alex North, li kien ħa 14-il nominazzjonijiet imma dejjem ħareġ tellief.

Is-suċċess għall-Ennio Morricone wasal b’mod kurjuż.  Ftit qabel Quentin Tarantino beda jaħdem fuq “The Hateful Eight”, Morricone kien rapurtat li għadda kumment li ma kienx kuntent kif Tarantino kien jaqbad xi biċċa mużika minn tiegħu u tintuża fil-films ta’ Tarantino.  B’reazzjoni, Quentin Tarantino offra lil Ennio Morricone jikkomponilu l-mużika għal “The Hateful Eight”. Interessanti wkoll il-fatt li Ennio Morricone ikkompona l-mużika minn fuq dak li beda jaqra fl-iscrpt u mhux fuq ix-xeni diġa miġbuda kif normalment isir.  Ennio Morricone kien għamilha darb’oħra fil-karriera tiegħu: fl-1968 għall-western ta’ Sergio Leone, “Once Upon a Time in the West”.

Ennio Morricone kien magħruf li jrid jaħdem mill-istudios tiegħu f’Ruma u jitkellem biss bit-Taljan.  Tant hu hekk, li meta rċieva l-Oscar, hu insista li l-acceptance speech ikun bit-Taljan.  Huwa ħadem ma’ diretturi Taljani u nternazzjonali, fosthom: Gillo Pontecorvo (“The Battle of Algiers”), Bernardo Bertolucci (“1900”), Terence Malick (“Days of Heaven”), William Friedkin (“Rampage”), Roman Polanski (“Frantic”), Brian De Palma (“The Untouchables”), Barry Levinson (“Disclosure”), Mike Nichols (“Wolf”) u Giuseppe Tornatore (“Cinema Paradiso”).

Il-mużika ta’ Ennio Morricone hi distinta, speċjalment meta kkompona għall-westerns, fejn kien iħobb idaħħal it-tisfira, qniepel, kitarri elettriċi u anke korijiet.

Fis-sittinijat u fis-sebgħinijat, kienu snin tad-deheb għal dan il-maestro.  Bejn l-1965 u l-1973, huwa kkompona 150 xogħol mużikali – ferm aktar minn kemm kompożituri oħra jikkomponu matul ħajjithom.  L-isfortuna għalih kienet li ħafna mill-films li kkompona l-mużika għalihom kienu limitati fejn joħorġu għall-wiri.  Għalhekk issib li l-long plays u CDs tiegħu kienu jinbiegħu bil-gzuz għax irnexxielu joħloq kult fost dawk li jħobbu l-mużika mill-films imma ma setgħux jaraw il-films fejn hemm il-mużika ta’ Morricone.  Għal dawn, li jisimgħu l-mużika kienet alternattiva.

Kienet inġustizzja kbira li fl-1987, Ennio Morricone tilef l-Oscar għall-mużika mis-soundtrack ta’ “The Mission” wara li kien rebaħ il-Golden Globe Award u l-British Film Award minbarra li kienet tindaqq ta’ spiss fuq kull stazzjon.

Kienet inġustizzja għax Morricone tilef l-Oscar għall-mużika jazz ta’ Herbie Hancock li tinstema’ fil-film drammatiku “Round Midnight”.  Il-mużika ta’ Herbie Hancock ma kienitx kollha oriġinali.  Wara dik is-sena, ir-regolamenti tal-Oscars għall-aħjar mużika nbidlu b’tali mod li meta l-mużika ma tkunx kollha oriġinali, ma tikkwalifikax għal dan l-unur.

Ennio Morricone twieled f’Ruma fl-10 ta’ Novembru 1928.  Beda jitgħallem it-trumbetta ta’ età żgħira.  Beda jistudja l-mużika fil-Konservatorju ta’ Santa Cecilia taħt il-kompożitur Goffredo Petrassi. Għall-bidu kien aktar inklinat li jikteb mużika għall-kunċerti imma l-mod ġenjuż tiegħu insubuh f’kull qasam, inkluż fil-mużika pop meta fl-1966 ikkompona s-suċċess ta’ Mina “Se Telefonando”.

Morricone kien miżżewweġ lil Maria Travia kellhom erbat itfal.

Ekonomija

Sport