Malta ……….1
Bosnja ………4
Minn Cristian Muscat
Bħal ma jiġri dejjem, Malta sfaxxat fit-tieni taqsima hekk kif fl-Istadium Nazzjonali sfat megħluba bl-iskor ta’ 4-1 mill-Bosnja-Herzegovina f’partita ta’ ħbiberija hekk kif dawn tal-aħħar skorjaw tliet goals wara l-mistrieħ.
Il-coach, Emilio De Leo, wettaq tliet bidliet fil-formazzjoni inizjali li ġiet megħluba bl-iskor kbir ta’ 4-0 mill-Olanda fil-partita ta’ nhar il-Ħamis li għadda.
Dan hekk kif Zach Muscat, Paul Mbong u Steve Borg bdew minflok Kurt Shaw, Joseph Mbong u Juan Carlos Corbalan rispettivament.
Dan il-konfront kien se jkun it-tislima tal-aħħar għad- difensur veteran ta’ Valletta, Steve Borg, 37 sena, iżda proprju lejlet il-partita tħabbar mill-MFA li ma kienx se jkun disponibbli minħabba li sofra injury waqt it-taħriġ.
Infatti huwa lagħab biss 40 sekonda hekk kif ġie sostitwit minn Kurt Shaw.
B’kollox huwa lagħab 82 partita għal pajjiżna mifruxa fuq total ta’ 14-il sena, mimlija sfidi, trijonfi, u mumenti indimentikabbli.
B’kollox huwa lagħab ħin effettwat ta’ 6,440 minuta u skorja tliet goals.
Għal din l-okkażjoni, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, ppreżenta tifkira lill-istess Borg.
Barra minn hekk, is-Sur Vassallo ippreżenta flokk lill-kit manager tat-team nazzjonali, Frankie Ciantar, wara li l-partita preċedenti kontra l-Olanda kienet il-100 waħda tiegħu.
Għall-konfini ta’ statistika, f’din il-partita, Henry Bonello, kiser ir-rekord ta’ David Cluett, tal-aktar dehriet mat-team nazzjonali bejn il-lasti, b’total ta’ 70 logħba.
Intant, fis-16-il minuta, il-Bosnjaċi fetħu l-iskor fl-ewwel attakk denju tagħhom meta AMAR DEDIC irċieva pass fit-tul … avvanza u minn pożizzjoni angolata għeleb lil Bonello.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-28 minuta kellhom ferħa bla temma, meta wara li rċieva minn cross ta’ Esmir Bajraktarevic, Amar Memic, permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa, iżda r-referee mil-Latvja, Vitalijs Spasjonnikovs, kien pront u ħassar dan il-goal minħabba li ġġudika li dan tal-aħħar mess il-ballun b’idu.
Malta wieġbet għall-ewwel darba fis-36 minuta meta minn pożizzjoni ideali, Ilyas Chouaref kellu daqqa ta’ ras erratika bil-ballun jintemm ftit barra.
Fil-41 minuta, De Leo kien kostrett jeffettwa sostituzzjoni sfurzata hekk kif weġġa’ l-captain Matthew Guillaumier biex minfloku daħal jilgħab Brandon Paiber, bil-faxxa ta’ captain tingħata lil Zach Muscat.
Fit-53 minuta, l-avversarji tagħna rduppjaw meta HARIS TABAKOVIC ma ħafirx wara li rċieva mingħand Amar Memic.
Żewġ minuti biss wara, Luka Menalo għadda tajjeb lejn Tabakovic li t-tentattiv tiegħu ġie salvat minn sieq Bonello.
Fit-58 minuta, il-Maltin tilfu ċans tad-deheb li jnaqqsu l-maġni tal-iskor meta Teuma għadda lejn Chouraef li kompla lejn Irvin Cardona li ġie antiċipat fil-ħin minn Dezenis Burnic biex evita goal ċert.
Minuta biss wara, il-Maltin rebħu penalty meta Alex Satariano twaqqa’ fil-kaxxa mill-goalkeeper Martin Zlomislic …. u mill-11-metru Paul Mbong ra x-xutt tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta u jintemm fix-xibka.
Iżda, fl-84 minuta, il-Bosnjaċi kabbru l-vantaġġ permezz ta’ xutt mill-viċin ta’ BENAJMIN TAHIROVIC.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed hekk kif żewġ minuti biss wara għamluhom erbgħa minn xutt minn tarf il-kaxxa ta’ NAIL OMEROVIC wara tliet saves konsekuttivi minn Bonello.
MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli (21-Juan Carlos Corbalan 46), 4-Steve Borg (5-Kurt Shaw 1), 6-Matthew Guillaumier (20-Brandon Paiber 41), 8-Paul Mbong (24-Basil Tuma 91), 9-Ilyas Chouaref, 10-Teddy Teuma, 11-Irvin Cardona, 13-Enrico Pepe, 22-Zach Muscat (7-Joseph Mbong 91), 23-Alex Satariano (19-Jodi Jones 61) – Coach: Emilio De Leo
BOSNJA: 22-Martin Zlomislic, 3-Dennis Hadzikadunic, 5-Esmir Bajraktarevic (20-Nail Omerovic 71), 7-Amar Dedic (6-Benjamin Tahirovic 46), 9-Samed Bazdar (8-Armin Gigovic 71), 13-Ivan Basic, 14-Ivan Sunjic (23-Luka Menalo 46), 15-Amar Memic (19-Kerim Alajbegovic 67), 16-Adrian Leon Barisic (18-Nikola Katic 71), 17-Dzenis Burnic, 24-Haris Tabakovic – Coach: Sergej Barbarez
REFEREE: Vitalijs Spasjonnikovs (Latvja)
ASS. REFEREES: Raimonds Tatriks, Arturs Sakurovs (Latvja)
RABA’ UFF: Matthew Degabriele
SKORERS: A. Dedic 16, H. Tabakovic 53, B. Tahirovic 84, N. Omerovic 86 (BH), P. Mbong pen. 60 (M)
AMMONITI: A. L. Barisic (B)