Monday, November 11, 2024

Logħob tal-Commonwealth: Il-Maltin b’riżultati mħallta fl-ewwel ġurnata

Aqra wkoll

Team Malta beda l-impenji tiegħu fil-Logħob tal-Commonwealth li qed isir f’Birmingham, l-Ingilterra, ilbieraħ filgħodu b’kompetizzjonijiet fit-Triathlon, Squash u Lawn Bowls.

Fl-isquash, Lijana Sultana rebħet logħba eċċitanti biex tgħaddi għar-round li jmiss tal-kompetizzjoni. Il-wirja ta’ Sultana wriet determinazzjoni meta lagħbet kontra Charlotte Knaggs (Trinidad & Tobago). 

Hija tilfet l-ewwel set 11-9, iżda ssieltet lura biex rebħet iż-żewġ sets ta’ wara, bl-iskor identiku ta’ 11-3. Ir-raba’ set intrebaħ minn Knaggs  11-7. Is-set finali ntrebaħ minn Sultana bl-iskor ta’ 12-10.

Sultana, li għandha  15-il sena u li qed tagħmel id-debutt tagħha fil-Logħob tal-Commonwealth, issa se tilgħab kontra Hollie Naughton tal- Kanada.

Id-derby bejn il-Maltin intrebaħ minn Niall Engerer li uża l-esperjenza tiegħu biex iwaqqaf it-tentattivi ta’ debuttant ieħor, Kijan Sultana. Engerer rebaħ iż-żewġ logħbiet tal-ftuħ, 11-7 u 15-13.

Madankollu, Sultana ħa t-tielet set 11-9. Ir-raba’ set ra bilanċ assolut b’Engerer jirbaħ il-logħba 3-1. Enge­rer issa jiffaċċja lill-player numru  tnejn ta’ New Zealand u tad-dinja, Paul Coll.

Ilbieraħ kienu fl-azzjoni wkoll it-triatleti Keith Galea u Danica Bonello Spiteri. Galea kien fl-azzjoni l-ewwel u spiċċa fil-31 post fost 44 triatleta. Il-ħin finali tiegħu kien ta’ siegħa, minuta u 40 sekonda. 

Bonello Spiteri kienet fl-azzjoni wara nofsinhar. Hija temmet it-tellieqa fil-ħin ta’ 1:07.21 u spiċċat fil-25 post minn 33 triatleta.

Il-midalji tad-deheb f’din id- dixxiplina marru għand il-Britanniku, Alex Yee (50 minuta u 34 sekonda) u Flora Duffy ta’ Bermuda (55 minuta, 25 sekonda).

L-atleti Maltin l-oħra li kkompe­tew ilbieraħ kienu Peter Ellul, Troy Lorimer u Shaun Parnis fil-Lawn Bowls Triples. L-ewwel ħarġa tagħ­hom irriżultat f’telfa ta’ 28-6 kontra l-Iskozja iżda pattew għad-diżappunt fil-logħba tagħhom kontra New Zealand li ntrebħet bl-iskor ta’ 22-12.

Malta qed tikkompeti wkoll fl-avveniment Women’s Fours, permezz ta’ Rose Maree, Rebecca-Louise u Connie-Leigh Rixon  flimkien ma’ Irene Attard.

Huma bdew l-impenji tagħhom kontra l-Irlanda ta’ Fuq fejn ħarġu telliefa 16-10 meta anke kienu fil-vantaġġ kmieni fil-logħba, 5-3.

Aktar tard filgħaxija huma lagħbu kontra Norfolk Island.

Team Malta se jerġa’ jkun fl-azzjoni għada l-Ħadd meta jsiru l-ewwel avvenimenti tal-weightlifting. L-atleta li ġarret il-bandiera Maltija flimkien ma’ Kijan Sultana fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ, Tenishia Thornton, se tkun fl-azzjoni fl-avveniment ta’ 59kg tan-nisa.

Sport