L-atleti Maltin li qed jieħdu sehem fil-Logħob tal-Commonwealth f’Birmingham, komplew bl-impenji tagħhom bl-aħjar riżultat matul il-ġurnata tal-bieraħ jasal mill-weightlifter Elisia Scicluna fid-debutt tagħha f’dawn il-Logħob. Hija refgħet 80kg fis-snatch u wara pproduċiet l-aqwa wirja personali tagħha meta refgħet 105kg fil-clean & jerk għal total ta’ 185kg.
Fl-atletika Janet Richard tellqet fil-heats tal-400m fejn spiċċat fil-25 post ġenerali iżda l-ħin tagħha ta’ 54.51 sekondi ma kienx biżżejjed biex tavvanza għar-round li jmiss.
Fil-lawn bowls l-aħwa Connie u Rebecca Rixon tilfu 21-18 kontra Norfolk Island fil-Women’s Pairs imbagħad ġew draw ta’ 17-17 ma’ Guernsey.
It-team tal-Men’s Fours magħmul minn Peter John Ellul, Troy Lorimer, Mark Anthony Malogorski u Shaun Parnis kellu jilgħab kontra Jersey u l-Afrika t’Isfel wara li t-Tlieta filgħaxija tilef 17-9 mal-Iskozja.
Il-judoka Isaac Bezzina ġie eliminat meta ħareġ tellief kontra l-Ingliż Ryan Thompson.
il-Ħamis se tidħol fl-azzjoni, Charlotte Wingfield, li se tieħu sehem fil-heats tal-200m fl-atletika, Samuel Cassar jilgħab kontra Dumindu Abeywickrama ta’ Sri Lanka fil-badminton, iċ-ċiklist Ayden Buttigieg jieħu sehem fit-time trial individwali, waqt li t-team tal-isquash tal-irġiel jilgħab fid-doubles.