Wednesday, December 25, 2024

Logħob tal-Commonwealth: L-għawwiema Awstraljani jirbħu 25 midalji tad-deheb

Aqra wkoll

Ariarne Titmus, Sam Short u t-team tan-nisa tal-4x100m relay medley kisbu aktar deheb għall-Awstralja hekk kif il-kompetizzjoni tal-għawm tal-Logħob tal-Commonwealth ġiet fi tmiemha f’Sandwell Aqua­tic Centre, f’Birmingham 2022. Kampanja ta’ suċċess kbir fil-pixxina ntemmet bit-trijonf tripplu l-Ħamis filgħodu biex it-total tad- deheb tal-Awstralja nġieb għal 25 sal-kalkoli finali.

Titmus, 21 sena, kisbet ir-rebħa fl-400m freestyle – is-seba’ deheb tal-Commonwealth tagħha, minbarra tnejn deheb Olimpiċi u żewġ titli mondjali – wara li għelbet lill-istilla emerġenti Kanadiża ta’ 15-il sena, Summer McIntosh, b’Kiah Melverton tal-Awstralja tikseb il-bronż.

McIntosh kienet ħabbret lilha nnifisha stilla tal-futur fil-Kampjonati tad-Dinja f’Budapest u rebħet il-200m u l-400m medleys individwali f’din il-laqgħa. Lejla wara li rebaħ it-800m freestyle, Titmus – li għelbet liċ-champion Amerikana, Katie Ledecky, fl-Olimpjadi ta’ Tokyo – irreġistrat ħin ta’ 3:58.06 biex għelbet lil McIntosh bi ftit aktar minn sekonda.

Hija rebħet ukoll il-200m freestyle biex għaqqdet suċċess triplu rari.

L-aħħar suċċess tagħha segwa l-għawma sensaz­zjonali ta’ Short li kiseb il-midalja tad-deheb fl-1,500m freestyle u kompliet it-tradizzjoni rikka tal-Awstralja fit-tellieqa ta’ reżistenza. Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena rebaħ konfront eċċitanti f’14:48.54, ftit aktar minn tliet sekondi quddiem Daniel Wiffen tal-Irlanda ta’ Fuq, b’Luke Turley tal-Ingilterra t-tielet.

Fl-aħħar avvenimenti tal- kompetizzjoni tal-għawm, it-team Awstraljan tal-4x 100m relay medley tan-nisa għeleb lill-Kanada, bl-Ingilterra tikkuntenta bil-bronż, biex ta lil Emma McKeon is-sitt midalja tad-deheb tagħ­ha f’dawn il-Logħob, iżda kien hemm diżappunt għat-team tal-irġiel, li ġie maqbuż mill-Ingilterra hekk kif Kyle Chalmers mess il-ħajt għall- fidda.

L-eroj tal-100m freestyle Mollie O’Callaghan tat qatgħa liċ-champion tad-dinja Kanadiża, Kylie Masse, fil-50m backstroke meta ġiet megħluba b’0.16 sekondi biss.

Maase, erba’ darbiet me­dallista Olimpika, irkuprat tard biex rebħet f’27.31 sekondi b’Kaylee McKeown tkompli l-laqgħa stupenda tagħha biex kisbet il-bronż.

SKOĊĊIŻ L-IXJEĦ  WIEĦED LI REBAĦ  ID-DEHEB

George Miller, 75 sena, qal li “qatt ma ħolom li jkun hawn” wara li sar l-ixjeħ raġel li rebaħ midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Commonwealth hekk kif l-Iskozja għelbu lil Wales biex rebħu l-B2/B3 Mixed Pairs tal-lawn bowls bl-iskor ta’ 16-9.

Huwa ssupera lil Rosemary Lenton, ta’ 72 sena, li nhar l-Erbgħa rebħet il- Women’s Pairs.

Ekonomija

Sport