Sunday, December 22, 2024

Logħob Tal-Pajjiżi Żgħar – Imħabbra dettalji taċ-Ċerimonja tal-Ftuħ, Servizzi tal-midja u Akkomodazzjoni għal-Team Malta

Aqra wkoll

Meta fadal inqas minn xahar għall-bidu tad-XIX Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, il-Kumitat Olimpiku Malti ta bosta dettalji dwar dan l-avveniment li se jsir f’Malta fejn  pajjiżna huwa  lesta li jagħti l-aħjar riżultat possibbli minn perspettiva kemm teknika u organizzattiva.

Tħabbar, li Team Malta mhux se jkun qed joqgħod mal-bqija tal-kontinġenti internazzjonali iżda se jkun qed joqgħod fl-Urban Valley Resort and Spa. 

Barra minn hekk tħabbar li x-xandir tele­viżiv nazzjonali – il-Public Broadcasting Services, se jkun qed jikkoordina ma’ stazzjoni­jiet u entitajiet tal-midja biex jagħti firxa tajba ta’ informazzjoni u xandiriet diretti.

Il-Logħob qed jistenna wkoll influss qaw­wi ta’ ġurnalisti internazzjonali li se jagħti lil-Logħob u lil Malta espożizzjoni internazzjonali sostanzjali. Għal dan il-għan se jitwaqqfu żewġ ċentri tal-midja fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali u fiċ-ċentru tal-Ġinnastika li għadu kif inbena fil-Marsa. 

“Dejjem kellna relazzjoni tajba mal-midja u nassigurawhom  mill-kooperazzjoni tagħna. L-unika ħaġa li nitolbu lill-ġurnalisti hija li jħallu lill-atleti jiffokaw fuq il-kompetizzjoni tagħhom sabiex jiksbu r-riżultati mixtieqa,” irrimarka Mark Cutajar, Chairperson, Kumitat Organizzattiv Lokali”

Tħabbar ukoll li ċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ser issir nhar it-Tnejn 29 ta’ Mejju fid-8.45 pm fuq il-Fosos tal-Furjana. L-avveniment se jkun ta’ livell għoli li se jixxandar dirett fil-pajjiżi kol­lha tal-GSSE.

Il-President tal-KOM, Julian Pace Bonello, esprima l-gratitudni lejn membri tal-midja talli appoġġaw il-Logħob li huma importanti għal diversi raġunijiet speċjalment għal pajjiżna fejn se jkollna l-opportunità li nilqgħu numru sostanzjali ta’ mistednin internazzjonali. 

Il-Ministru, Clifton Grima, tkellem dwar l-entużjażmu li hemm mhux biss fost l-atleti u l-isportivi, iżda wkoll fil-Kumitat Organizzattiv li ilhom għaddejjin bil-preparamenti minn meta kien magħruf li Malta se tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

“Qed ikolli rispons eċċellenti mill-kollegi tiegħi l-Ministri responsabbli għall-Isport ta’ dawk il-pajjiżi li se jkunu rappreżentati f’pajjiżna. 

L-istennija biex jiġu fostna hija waħda kbira, speċjalment meta wieħed jiftakar li fi żmien il-pandemija dan l-avveniment ma sarx. Pajjiżna se jilħaq l-aspettattivi kollha, għaliex il-ħidma li saret u li bħalissa tinsab fil-qofol tagħha, se tagħti r-riżultati mistennija”, qal il-Ministru Grima.

Il-Loghob huwa appoġġat minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, European Olympic Committees, Go, Enemed, BOV, Transport Malta, Malta International Airport u The Concept Stadium.

Ekonomija

Sport