Persuna politika prominenti fir-Renju Unit, Lord Peter Mandelson, irriżenja mill-Partit Laburista, biex kif qal huwa stess jevita aktar imbarazzament lill-partit minħabba r-rabtiet li huwa kellu mal-finanzier Amerikan u kriminal sesswali tat-tfal, Jeffrey Epstein.
Dokumenti ġodda, rilaxxati nhar il-Ġmgħa fl-Istati Uniti, jindikaw li Epstein ħallas $75,000 lil Lord Mandelson fi tliet tranżazzjonijiet separati fl-2003 u l-2004. Mandelson iżda ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u qal li ma jiftakarx li rċieva pagamenti li saru lilu ftit aktar minn 20 sena ilu. Huwa jgħid li l-allegazzjonijiet huma “foloz” fl-istesswaqt jgħid ukoll li jeħtieġ li “jiġi investigat.”
L-aħħar dokumenti jinkludu wkoll ritratti tal-eks Prinċep Andrew, illum Andrew Mountbatten Windsor, li avukat għall-vittmi ta’ Epstein jgħid li l-eks prinċep issa għandu jitla’ jixhed fl-Istati Uniti.
Epstein kien ingħata sentenza ta’ ħabs fl-2008 wara li ammetta għal żewġ akkużi, inkluż li fittex bniet ta 14-il sena għall-prostituzzjoni. Huwa kien instab mejjet mgħallaq fil-ħabs fl-2019.
Huwa improbabbli ħafna li Peter Mandelson jitneħħielu it-titlu tiegħu ta Lord. Dan għaliex biex jagħmel dan, il-gvern ikollu jressaq u jgħaddi biċċa leġiżlazzjoni speċifikament biex tneħħi l-peerage ta’ Lord Mendelson.
Mandelson bħalissa jinsab fuq ‘leave of absence’ mill-House of Lords. Dan ifisser li ma jistax jieħu sehem fil-proċedimenti billi jitkellem jew jivvota. Il-prassi hija fir-Renju Unit li membri tal-House of Lords li jkunu fuq dan il-leave iridu jagħtu avviż ta’ tliet xhur li biħsiebhom jirritornaw.
Meta tibda s-sessjoni parlamentari li jmiss f’Mejju, Mandelson ikollu jiddeċiedi jekk jerġax japplikax għal leave ieħor jew imurx il-Parlament biex jaħlef ġurament lir-Re. Jekk ma jagħmel l-ebda waħda minn dawn, jirtira awtomatikament mill-Kamra tal-Lords fi tmiem dik is-sessjoni.
Huwa jista’ wkoll jagħżel li jirtira mil-Lords fi kwalunkwe ħin. L-irtirar ikun ifisser li ma jkollu l-ebda għażla li jerġa’ lura fil-House of Lords fil-futur iżda xorta jżomm it-titlu tiegħu bħala lord.

