Il-lottatur Olimpiku Eġizzjan, Mohamed ‘Kesho’ Ibrahim, ġie arrestat f’Pariġi fuq allegat attakk sesswali.
L-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Pariġi ħareġ stqarrija li tgħid: “Fid-9 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-5.00 am, raġel imwieled fl-Eġittu, f’Marzu 1998, li kien lottatur fid-delegazzjoni Olimpika ġie arrestat quddiem il-kafeterija Oz.”
Huwa mifhum li huwa ġie arrestat talli allegatament mess il-warrani ta’ klijenta oħra fil-kafetterija.
Il-Kumitat Olimpiku Eġizzjan (KOE) ħabbar li Kesho, li rebaħ midalja tal-bronż fil-Logħob ta’ Tokyo 2020, kien il-membru tat-team li ġie arrestat.
Il-KOE żied jgħid li se jiġi investigat mill-kumitat tal-etika tiegħu u jista‘ jiffaċċja sospensjoni għal għomru.
“Jekk l-allegazzjonijiet huma sostanzjati, il-lottatur se jiffaċċja sospensjoni permanenti u jiġi pprojbit milli jipparteċipa kemm f’kompetizzjonijiet domestiċi kif ukoll internazzjonali,” qalet l-istqarrija.
Kesho ġie megħlub minn Hasrat Jafarov tal-Azerbaijan fl-ewwel round tal-lotta greko-romano tas-67kg tal-irġiel nhar l-Erbgħa.