Lotterija fil-Filippini li rat 433 persuna jirbħu l-jackpot qanqlet bosta mistoqsijiet u suspetti u wasslet għal skrutinju tas-sistema tal-lottu. Ir-rebħ ta’ dan il-jackpot ra l-akbar numru ta’ nies li qatt rebħu l-ogħla premju tal-Grand Lotto.
Il-kombinazzjoni rebbieħa għall-jackpot ta’ 236 miljun peso ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet sensiela ta’ numri li kienu kollha diviżibbli b’disa’.
B’reazzjoni, il-mexxej tal-minoranza tas-Senat tal-Filippini, Koko Pimentel sejjaħ għal inkjesta u nvestigazzjoni dwar ir-riżultat mhux tas-soltu tal-lotterija li kkunsidrhom bħala “suspettużi” fl-istesswaqt li nsista fuq iż-żamma u l-protezzjoni tal-integrità ta’ dan il-logħob tal-azzard.
Guido David, professur tal-matematika fl-Università tal-Filippini qal lill-BBC li fuq suppożizzjoni ta’ 10 miljun biljetti, huwa stmat li l-probabbiltà li jkun hemm ħafna rebbieħa kienet “1 minn 1 segwit minn 1,224 żerijiet”.
Huwa qal li matematikament ma jafx x’jaqbad isejjaħ din il-kombinazzjoni peress li n-numru huwa daqshekk kbir waqt li stqarr li n-numru ta’ molekuli fl-univers magħruf għandu 80 żero.
Il-parteċipanti fil-Grand Lotto jagħżlu sitt numri minn 1 sa 55. Biex jirbħu l-jackpot is-sitt numri kollha ta’ biljett iridu jaqblu ma’ dawk imtella’ mill-operatur tal-lotterija.
Dan it-tip ta’ logħob tal-lottu huma awtorizzati mir-Repubblika tal-Filippini.
Nhar il-Ħadd li għadda, Melquiades Robles, maniġer ġenerali tal-Uffiċċju tal-Sweepstakes tal-Karità tal-Filippini (PCSO), qal li ma kien hemm l-ebda irregolaritajiet u enfasizza li n-nies fil-Filippini kellhom it-tendenza li jagħmlu mħatri fuq sekwenzi tan-numri.
Il-PCSO qassmet ukoll ritratti u vidjows ta’ nies jiġbru l-flus tal-premju li rebħu fl-uffiċċju tiegħu fil-belt ta’ Mandaluyong, qrib il-kapitali Manila.
Terence Tao, professur tal-matematika mill-Università ta’ California, Los Angeles rrimarka li mudell bħal dan li jkun hemm serje rebbieħa ta’ numri huwa rari “għal kull lotterija waħda”.
Sostna wkoll li hemm mijiet ta lotteriji kuljum madwar id-dinja, u statistikament ma jkunx sorprendenti li kull ftit għexieren ta’ snin, waħda minn dawn il-lotteriji tesibixxi mudell mhux tas-soltu.