Tuesday, December 31, 2024

Luca Zarb b’ġest nobbli b’risq Hospice Malta … jagħmel seba’ maratoni f’sebat ijiem

Aqra wkoll

Fi sfida starordinarja, l-atleta Luca Zarb permezz tal-kampanja SevenxSeven għamel seba’ maratoni f’sebat ijiem. Dan kollu seħħ hekk kif l-istess Luca ġabar il-flus għal Hospice Malta, organizzazzjoni li tipprovdi kura paljattiva u appoġġ lill-pazjenti u familji li qed jaffaċċjaw mard serju, inkluż il-kanċer u l-marda motor neurone.

Hi sfida li rrikjediet ammont ta’reżiljenza, fejn Luca mar lil hinn mil-limiti li qatt ma emmen li kienu possibbli. Din is-saħħa interna kienet ukoll ir-riżultat tal-appoġġ bla waqfien tal-familja immedjata tiegħu u l-ħbieb li ssieħbu miegħu f’kull pass tal-vjaġġ tiegħu.

Dan kollu ma kienx iseħħ li ma kienx għall-appoġġ li tawh Hospice Malta, Teamsport, Endure Fitness, u Ebejer Bonnici għall-appoġġ f’din l-inizjattiva.

Dan is-sit tkellem ma’ Luca Zarb innifsu li tana iktar informazzjoni u anke l-kummenti tiegħu wara din l-isfida li għamel u li ħaditlu ħafna sforz iżda li għamilha għal għan nobbli.

Kif bdiet l-idea ta’ din l-isfida?

“Konna tliet persuni li bdejna niddiskutu bejnietna li għandna nagħmlu xi ħaġa partikolari iżda differenti. Irrid ngħid li kien sieħbi Ryan Saliba Gasano li ħajjarni nibda l-maratoni jew il-ġirjiet fit-tul. Fi ftit żmien tista’ tgħid li beda jogħġobni x-xogħol u bdejt immur miegħu.”

“F’Ottubru xtaqt nitla’ Sqallija u nagħmel anke dawra bir-rota iżda b’xorti ħażina ma rnexxilix nagħmilha u bqajt xorta bil-leblieba li nivvinta xi ħaġa. Kien għalhekk li ħriġt bl-idea ta’ SevenxSeven li fih kelli nagħmel seba’ maratoni f’sebat ijiem. Kelli wkoll lil Sam Borg li beda jgħinni sabiex nasal għal dan it-tragward.”

Saqsejna lil Luca Zarb dwar il-preparamenti tiegħu għal dan l-avveniment li sar fiż-żminijiet tal-Milied.

“Fil-verita’ ftit kelli ċans nipprepara għaliha għax kien f’Ottubru li għadda li bdejt naħseb għaliha. Xahrejn ma kinux ħafna iżda xorta għamilt l-almu tiegħi sabiex nasal għaliha. Apparti minn hekk, naf ukoll li dan kollu kien qed iservi għal għan nobbli u għalhekk iktar għamilt kuraġġ.”

Iżda kif iddeċieda li jgħin lill-Hospice Malta?

“Irrid ngħidlek li kienu l-Hospice Malta li għenu liz-ziju tiegħi li b’xorti ħażina ħalliena lura għas-sena 2018. Hu kellu marda u kienu proprju huma li tawh l-għajnuna kollha meħtieġa. Kien għalhekk li kellimt lil Alexia u Alexandra fejn bdejt nikkorrispondi magħhom permezz ta’ ittri elettroniċi. Nista’ ngħid li kelli parteċipazzjoni tajba ħafna u qatt ma immaġinajt onestament li se jkun hawn dan kollu.”

Saqsejna wkoll lil Luca Zarb kemm trid tkun b’saħħtek psikoloġikament biex tagħmel seba’ maratoni f’sebat ijiem.

“Iva jidħol ħafna l-lat mentali tal-ħaġa. B’xorti tajba jien kont b’saħħti ħafna mentalment u kelli ħafna għajnuna mill-familja, il-ħbieb u nies oħra. Fl-istess waqt dan is-sapport tani xprun sabiex inkompli u nispiċċa din l-isfida.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport