Saturday, October 26, 2024

Lucas Caruana se jkompli l-karriera tiegħu mat-team tal-Primavaera ta’ Sampdoria

Aqra wkoll

Lucas Caruana se jkompli l-karriera tiegħu barra minn Malta wara li laħaq ftehim biex jingħaqad mat-team tal-Primavaera ta’ Sampdoria.

Il-player internazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena ilu jiġbed l-interess ta’ diversi clubs matul ix-xhur li għaddew iżda kienu Sampdoria li rnexxielhom jassiguraw is-servizzi tiegħu.

Caruana, li jinsab fuq il-kotba taċ-champions Hibernians, huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar players żgħażagħ ta’ talent fil-football Malti u mill-istaġun li għadda kien jifforma parti wkoll mill-iskwadra tal-ewwel team tal-Pawlisti.

Fil-fatt, huwa ngħata d-debutt tiegħu fl-aħħar partita tal-istaġun tal-istaġun li għadda kontra Gżira United u daħal bħala sostitut tard fit-telfa ta’ 3-0 kontra Shamrock Rovers fil-partita tal-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League fl-Irlanda l-ġimgħa li għaddiet. .

Fl-aħħar xhur, Caruana kellu trials qosra ma’ numru ta’ clubs madwar l-Ewropa., fosthom mal-clubs Portugiżi Boavista u Braga kif ukoll mal-clubs Taljani, Roma u Monza.

Madankollu, fl-aħħar jiem, Sampdoria daħlu fit-tellieqa biex jiffirmaw lill-midfielder ta’ 16-il sena u qablu dwar termini biex jassiguraw is-servizzi tiegħu.

Caruana vjaġġa lejn l-Italja illum l-Erbgħa biex jiffinalizza t-trasferiment tiegħu.

Għal Caruana, dan il-pass ma’ Sampdoria huwa pass kbir fil-karriera tiegħu li jista’ jgħinu jkompli jimmassimizza t-talenti tiegħu.

Il-kwalitajiet ta’ Caruana ġew apprezzati wkoll mill-coach tat-team nazzjonali Malti Devis Mangia li f’diversi okkażjonijiet fl-aħħar xhur stieden lill-midfielder żagħżugħ biex jitħarreġ mal-iskwadra tal-kbar tat-team nazzjonali.

Sport