Friday, November 29, 2024

Lucas Digne fir-radar ta’ Chelsea

Aqra wkoll

Chelsea għamlu kuntatt mar-rappreżentanti ta’ Lucas Digne biex jiddiskutu mossa għad-difensur ta’ Everton matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar.

Il-Blues mistennija jiffirmaw difensur xellugi ġdid fil-bidu tal-2022, wara li tilfu lil Ben Chilwell għall-bqija tal-istaġun minħabba operazzjoni fl-irkoppa.

It-team immexxi minn Thomas Tuchel diġà għamel ‘l-ewwel offerta’ għall-internazzjonali Franċiż, li qed jipprepara biex iħalli lil Everton is-sena d-dieħla.

Digne kien player ewlieni għat-Toffees mill-wasla tiegħu mingħand Barcelona f’Awwissu 2018, fejn għamel 127 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha, skorja sitt goals u pprovda 20 assist fil-proċess.

Il-player ta’ 28 sena għamel ukoll 15-il dehra mal-club tiegħu ta’ Merseyside dan l-istaġun iżda ilu ma jidher mill-bidu ta’ Diċembru fost suġġerimenti ta’ diżgwid mal-manager Rafael Benitez.

Digne – marbut ukoll ma’ Newcastle United – iffirma ftehim ġdid fit-tul f’Goodison Park biss fi Frar lli għadda u huwa kkuntrattat ma’ Everton sa Ġunju 2025.

Sport