Il-midfielder ta’ Arsenal, Lucas Torreira, qabel dwar termini personali dwar trasferiment permanenti ma’ Fiorentina.
Il-player internazzjonali Urugwajan sar favorit tal-partitarji fl-Emirates Stadium fl-istaġun 2018-19 taħt il-gwida ta’ Unai Emery iżda ma baqax jipi utilizzat b’mod regolari meta Mikel Arteta ħa t-tmexxija tal-club mit-Tramuntana ta’ Londra.
Torreria kellu esperjenza ta’ self mhux daqstant pożittiva ma’ Atletico Madrid iżda reġa’ qabad il-karriera tiegħu ma’ Fiorentina, fejn skorja ħames goals u pprovda assist waħda f’27 dehra tas-Serie A.
Il-player ta’ 26 sena huwa mistenni li jingħaqad mal-Viola b’mod permanenti mingħand Arsenal qabel l-istaġun 2022-23, fejn jidher li t-termini personali fuq il-bidla ġew miftiehma.
Torreira mistenni jiffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ Fiorentina ġaladarba l-club iqajjem l-għażla tax-xiri tiegħu, li hu maħsub li hija ta’ madwar €15-il miljun.
Torreira għalhekk se jħalli lil Arsenal wara li rreġistra erba’ goals u sitt assists f’89 dehra mill-2018 ‘l hawn, u rebaħ l-FA Cup u l-Community Shield mal-Gunners.