Luis Enrique tkeċċa minn coach ta’ Spanja wara li sfaw eliminati mir-round tal-Aħħar 16 tat-Tazza tad-Dinja bl-għoti tal-penalties kontra l-Marokk bl-iskor ta’ 3-0 wara li l-konfront spiċċa fi draw ta’ mingħajr goals minkejja li ddominaw għal bosta ħinijiet.
Dan ħabbritu l-FA Spanjola b’messaġġ fuq il-media soċjali.
L-Ispanjoli li kellhom bidu tajjeb, kellhom jikkuntentaw bit-tieni post fil-fażi tal-gruppi, wara l-Ġappun.
Fi stqarrija l-FA Spanjola qalet: “L-RFEF tixtieq tirringrazzja lil Luis Enrique u lill-istaff tekniku tiegħu kemm ilhom fit-tmun tat-team nazzjonali.
“It-tmexxija sportiva tal-RFEF ippreżentat lill-president rapport li fih huwa determinat li għandu jibda proġett ġdid għat-team nazzjonali Spanjol bil-għan li jkompli fuq ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin, grazzi għall-ħidma li wettaq Luis Enrique flimkien mal-kollaboraturi tiegħu.
“Enrique ġie mgħarraf f’din id-deċiżjoni mill-president, Luis Rubiales, u mid-direttur sportiv, Jose Francisco Molina.
“L-RFEF b’mod tawgura lil Luis Enrique u lit-team tiegħu bis-sħiħ fil-proġetti professjonali futuri tagħhom.”